Lokali Parlament

Il-korruzzjoni hi taxxa li l-aktar li jħallas għaliha hu l-vulnerabbli


Charles Azzopardi, PN


Ix-Shadow Minister għad-Delizzji u t-Tagħlim ta’ Matul il-Ħajja Charles Azzopardi qal fil-Parlament li l-korruzzjoni hi taxxa li l-aktar li jħallas għaliha hu l-vulnerabbli.

Il-gvern għandu jara li ħadd ma jibqa’ lura, sostna Charles Azzopardi, li kompla li wara 13-il budget jidher li l-gvern għadu ma qabadx il-problema tat-tnaqqis fil-kwalità tal-ħajja. Hu kkritika l-miżura tal-gvern dwar iż-żieda ta’ sena oħra fil-pensjoni meta qabel il-gvern kien qal li l-barranin se jagħmlu tajjeb għall-pensjonijiet.

Id-deputat Nazzjonalista qal li f’Malta m’hawnx ġustizzja, la mat-tajjeb u lanqas mal-ħażin għax il-gvern ma jemminx fil-meritokrazija. Hu kkundanna lill-gvern għal-libertinaġġ li daħħal dwar id-droga u qal li l-gvern daħħal ekonomija inqas dinjituża u etika.

Il-gvern ta impjieg fantażma ta’ €68,000 lill-mara ta’ ministru fejn żewġ ministri ftehmu flimkien biex din tingħata impjieg li qatt ma sar. Xogħol ieħor fantażma kien dak ta’ Melvin Theuma u tas-sieħeb ta’ Justyne Caruana.

Mentalità korrotta ma tistax tgħin kif suppost biex toħloq soċjetà inklussiva, sostna Charles Azzoaprdi, li qal li jekk ma jkunx hemm kontabbiltà, il-ġustizzja soċjali ma tistax tkun indirizzata. Il-korruzzjoni hi taxxa li l-aktar li jħallas għaliha hu l-vulnerabbli, sostna Charles Azzopardi.

Charles Azzopardi qal li dawk li għandhom bżonn l-għajnuna għandhom jingħataw appoġġ. Hu qal li jeħteġ politika ta’ kwalità li toffri assistenza u sostna li l-pajjiż mhux mibni fuq il-kwalità b’diversi problemi fosthom il-prekarjat.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-priojrità m’għandhomx ikunu l-persons of trust iżda dawk li verament jeħtieġ. Dan kien budget ta’ gvern populist li rreaġixxa għal dak li kien qed jingħad fit-triq. Dan kien ukoll budget imqanżah bla ma kellu strateġija fejn l-imsieħba soċjali rreaġixxew dwar kif dan il-budget mhux se jkollu effetti pożittivi fuq is-soċjetà.

Charels Azzopardi tkellem dwar l-għoli tal-ħajja, it-tnaqqis fil-kwalità tal-ħajja, prezzijiet ogħlja tal-mediċini, l-isfidi li qed jiffaċċjaw l-anzjani anki biex isaħħnu darhom. Jirriżulta li hemm 9,000 persuna ma jaffordjawx karozza u 160,000 persuna ma tistax issiefer darba fis-sena.