Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Monica Vella ordnat li x-xhieda ta’ Melvin Theuma tiġi sfilzata (titneħħa) mill-inkjesta li saret dwar ix-xogħol fantażma li ngħata mal-Gvern. Il-każ ta’ Theuma, il-middleman fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, huwa dwar ix-xogħol li ngħata fil-kumpanija ‘Housing Maintenance and Embellishment Co Ltd ħames xhur qabel l-assassinju.
Theuma, ħames snin ilu kien qal li kien ingħata x-xogħol wara li ltaqa’ ma’ Keith Schembri li dak iż-żmien kien għadu Chief of Staff tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja, fejn kien tah ukoll tour tal-post. Huwa qal li Keith Schembri kien ċempillu u infurmah li Sandro Craus, ;dak iż-żmien Sindku tar-Rabat, kellu jkellmu. Aktar tard, Craus kien għamel appuntament sabiex Theuma jiltaqa’ ma’ Keith Schembri f’Kastilja.
Il-job fantażma li ngħata minn persuni qrib l-Eks-Prim Ministru Joseph Muscat. Keith Schembri, li huwa l-Eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Yorgen Fenech, li jinsab akkużat bl-involviment fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia; flimkien mal-Eks Kap tal-‘Customer Care’ fl-uffiċċju tal-Prim Ministru Sandro Craus, l-Eks Segretarju Privat fil-Ministeru tal-Familja Anthony Ellul u l-Eks CEO ta’ Housing Maintenance and Embellishment Co Ltd Anthony Muscat, qed jiġu akkużati b’serq u miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi.
Theuma kien stqarr li kien jirċievi ċekk kull xahar mingħajr ma kien jaħdem f’dan ix-xogħol imma li wara l-elezzjoni tal-2017, waqaf jirċievi dawn iċ-ċekkijiet li kien qed jieħu ta’ xejn. Is-Segretarju Permanenti Ewlieni ta’ dak il-perjodu – Mario Cutajar kien ċaħad li Theuma kellu impjieg mal-Gvern imma wara ammetta li dan ingħata xogħol.
Wara kien ġie kkonfermat li Theuma ngħata x-xogħol fuq l-insistenza ta’ Keith Schembri. B’kollox, ħames persuni kollha qed iwieġbu mhux ħatja fuq dan il-każ. Id-Difiża argumentat li ladarba Theuma rrifjuta li jixhed f’dawn il-proċeduri, għandha titneħħa x-xhieda tiegħu mill-atti tal-inkjesta.
Fid-digriet tagħha, il-Qorti qalet li persuni suspettati jew akkużati għandhom id-dritt għas-silenzju u li dan m’għandux jintuża kontrihom u jitqies li wettqu r-reati akkużati bihom. Iżda qalet ukoll li dan id-dritt ma jgħoddx neċessarjament għal min huwa xhud biss u kkunsidrat il-pożizzjoni tal-Prosekuzzjoni li ddikjarat li Theuma mhux qed jitqies bħala suspettat jew akkużat.
Hi qalet li m’hemmx provvediment fil-liġi li tista’ tippermetti li Theuma ma jixhidx u appellat lill-Prosekuzzjoni tieħu nota ta’ dan u tieħu l-passi meħtieġa kontra Theuma. Il-Qorti qalet ukoll li Theuma huwa marbut bil-proklama li ngħata b’rabta mal-assassinju ta’ Caruana Galizia u b’hekk kien obbligat jixhed. Minkejja li kien assistit minn avukat tiegħu, Theuma baqa’ jirrifjuta li jixhed.
Hi saħqet li fid-dawl ta’ dan, id-Difiża ġiet imċaħħda mit-tweġibiet għall-mistoqsijiet li kellha u jekk Theuma kienx għadu kopert bil-proklama. Wara ħafna battibekki, il-Prosekuzzjoni qalet li qed taċċetta li x-xhieda ta’ Theuma tiġi skartata iżda mhux sfilzata, bil-Qorti tilmenta li l-Prosekuzzjoni ma tatx raġuni għal din il-pożizzjoni.
Filwaqt li ma setgħetx tieħu passi kontra Theuma ladarba l-proklama tiegħu qatt ma ġiet esebita fil-proċeduri, il-Qorti ordnat li tiġi sfilzata x-xhieda ta’ Theuma.
L-Ispetturi Nicholas Vella u Brian Camilleri qed imexxu l-Prosekuzzjoni.
Għal Anthony Muscat qed jidher l-avukat Stefano Filletti. L-avukati Vince Micallef u Ryan Ellul qed jirrappreżentaw lil Anthony Ellul. L-avukati Michael Sciriha u Lucio Scriha qed jiddefendu lil Sandro Craus. Yorgen Fenech qed ikun rappreżentat mill-avukati Charles Mercieca, Gianluca Caruana Curran u Marion Camilleri. L-avukati Edward Gatt u Mark Vassallo huma avukati difensuri ta’ Schembri.
//= $special ?>