Mario de Marco, PN
Ix-Shadow Minister għat-Turiżmu Mario de Marco sostna fil-Parlament li l-pajjiż jeħtieġ strateġija dwar il-futur tat-turiżmu f’Malta u bidla.
Fid-dibattitu parlamentari dwar il-Ministeru tat-Turiżmu, Mario de Marco qal li l-Ministru Clayton Bartolo għandu sħaba sewda ħafna fuqu wara li appunta lill-mara tiegħu bħala konsulent meta din ma kinitx kwalifikata u wara li ħallasha bħala konsulent meta ma kinitx.
Dan stabbilixxieh il-Kummissarju għall-Istandards f’rapport li jġorr miegħu konsegwenzi. Il-Ministru Bartolo ma jistax jibqa’ jaħrab il-mistoqsijiet, sostna Mario de Marco, li qal li din l-industrija għandha diversi sfidi li qed tiffaċċja.
Mario de Marco qal li l-pjan ekonomiku tal-gvern qed iwassal għal problemi ikbar f’diversi setturi. Dan hu tkabbir ekonomiku li qed jieħu flok jagħti, sostna Mario de Marco li kompla li f’disa’ snin il-Maltin fit-turiżmu naqsu fi 3,000 persuna waqt li l-barranin mhux Ewropej żdiedu bi 8,400.
Dan minkejja li t-turisti qed jiżdiedu fil-pajjiż, sostna Mario de Marco, li kompla li ħafna flus iġġenerata minn din l-ekonomija qed tispiċċa barra minn Maltin minħabba l-ħaddiema barranin. Il-paga medja fit-turiżmu hi €36,000, li jfisser li l-ħaddiema barranin qalgħu €300 miljun. Jekk bagħtu barra 50% minnhom, allura l-ekonomija Maltija tilfet €150 miljun.
Mario de Marco kompla li l-lukandiera mhux isibu nies kwalifikati biżżejjed aktar u aktar meta l-ħaddiema qed jitilqu minn dawn l-impjiegi għaliex dan jeffettwa livell tas-servizz. Hu staqsa kemm qed ikun tajjeb biżżejjed is-servizzi ta’ livell fir-ristoranti. Il-Bank Ċentrali jsostni li mhux jinġiebu turisti ta’ kwalità waqt li l-NSO kkonfermat li l-akbar turisti qed ikunu sal-età ta’ 24 sena. L-istrateġija tal-gvern hi li jattira ċertu settur ta’ kwalità li mhumiex jonfqu l-flus.
Id-deputat Nazzjonalista qal li qed jonqsu wkoll it-turisti li jagħżlu akkomodazzjoni ta’ kwalità fejn in-nefqa totali tat-turisti naqset b’4% fuq l-2019. Mario de Marco qal li hemm applikazzjonijiet għal 13,000 kamra li jfissru 27,000 sodda, żieda ta’ 70% tas-sodod kollettiva.
Biex jimtlew dawn is-sodod se jkun hemm bżonn miljun turist iktar mill-2023. Il-pajjiż se jkollu bżonn 4.4 għal 4.8 turist fis-sena jekk isiru dawn il-kmamar kollha jew jirtiraw 15% tas-sodod eżistenti; dan ifisser żewġ miljun turist ieħor. Dan meta l-poplazzjoni telgħet minn 400,000 għal 550,000 persuna. Bit-turisti b’kollox, din telgħet għal 600,000.
Hu qal li l-infrasrtuttura ma kinitx lesta għal dan l-influss ta’ turisti u popolazzjoni. Huma diversi s-setturi li qed ikunu influwenzati negattivament minn din is-sitwazzjoni; aħseb u ara b’4.8 miljun turist.
Dwar il-konnettività, hu qal li l-ġarr tal-passiġġieri mil-linja nazzjonali hi biss 20% u l-pajjiż sar dipendenti minn kumpanija low cost. Dan il-gvern ħalla lill-Air Malta tfalli tagħlaq, sostna Mario de Marco, li ppropona li jsir eżerċizzju ta’ kemm jiflaħ turisti l-pajjiż. Trid titfassal strateġija mal-imsieħba fis-settur dwar fejn irid jasal it-turist għaliex il-gvern falla f’dan ir-rigward.
Mario de Marco kompla li l-Maltin għandhom jerġgħu jħarsu lejn dan is-settur bħala wieħed li joffri karriera. Il-gvern falla wkoll fl-infurzar, sostna Mario de Marco.
//= $special ?>