Graziella Galea, PN
Ix-Shadow Minister għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Graziella Galea qalet fil-Parlament li fil-pajjiż jeħtieġ strateġija futura għall-inklużjoni fis-soċjetà.
Fid-dibattitu parlamentari dwar il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Graziella Galea tkellmet dwar l-importanza tal-ugwaljanza fis-soċjetà, li jitneħħew l-ostakli għall-parteċipazzjoni fis-soċjetà, integrazzjoni, aċċess għas-saħħa u jkun hawn l-aħjar kwalità ta’ ħajja fis-soċjetà.
Hi qalet li għad fadal persuni b’diżabbiltà li m’għandhomx l-istess opportunitajiet bħal ħaddieħor. Jeħtieġ li jitneħħew l-ostakli fis-soċjetà fosthom fuq il-bankini, li jkun hemm iktar konsultazzjoni mal-persuni b’diżabbiltà nnfushom u jkun hemm l-involviment tagħhom fid-deċiżjonijiet.
Dwar il-Bord tal-Fondazzjoni Lino Spiteri, id-deputat Nazzjonalist qalet li ma ngħatatx informazzjoni dwar persuni b’diżabbiltà fuq il-bord għaliex m’hemmx ħtieġa li jkun hemm persuna b’diżabbiltà fil-bord. Hi sellmet lil Lino Spiteri u lil Dun Anġ Seychell għall-kontribut kbir li taw fis-settur tal-persuni b’diżabbiltà.
Graziella Galea qalet li l-PN jaqbel mal-assistenza personali għall-persuni b’diżabbiltà u sostniet li l-pagi tal-assistenti personali għandhom ikunu ogħla minn dak li qed jitħallsu bħalissa. Hi kompliet li l-assistenti personali għandhom ikunu mħarrġa u li x-xogħol ikun definit b’mod ċar. Fl-2023 kien hemm 383 perusna li bbenefikaw minn assistenza personali bi spiża ta’ €3 miljun, waqt li fl-2024 kien hemm żieda għal 439 persuna li bbenefikaw minn dan is-servizz iżda l-ispiża kienet inqas.
F’Ottubru 2024 kien hemm 217-il persuna jistennew għat-tieni fażi ta’ assessjar biex jaraw jekk humiex eliġibbli għal dan il-benefiċċju.
Graziella Galea appellat biex is-servizzi lill-persuni b’diżabbiltà għandhom jingħataw minn post wieħed u biex ikun hemm definizzjoni ċara dwar x’inhi persuna b’diżabbiltà.
Hi tkellmet dwar l-edukazzjoni u qalet li teżisti nuqqas ta’ statistika u informazzjoni. Jeħtieġ taħriġ speċjalizzat għal-LCE’s flimkien ma’ pagi u kundizzjonijiet aħjar.
Graziella Galea qalet li qed jiżdiedu l-persuni b’diżabbiltà li qed jaħdmu u appellat biex dan ix-xogħol ikun ta’ kwalità skont kif jixtiequ l-persuni b’diżabbiltà. Hi appellat biex il-persuni b’diżabbiltà jingħataw id-dinjità billi jitħarrġu sew.
Sa Diċembru 2023, kien hemm 795 kumpanija li kienu konformi mal-kwota ta’ tnejn fil-mija waqt li kważi l-istess ammont ma kinux konformi. Terz tal-persuni b’diżabbiltà li kienu qed ifittxu x-xogħol sa Mejju 2024, kienu ilhom ifittxu x-xogħol għal sentejn.
Hi tkellmet dwar l-abbużi u nsistiet li ma jkunx hemm abbużi mill-Blue Badge. Hu diffiċli persuna b’diżabbiltà li taqla’ €800 fix-xahar u ma tkunx taħdem, tgħix ħajja normali.
Graziella Galea tkellmet dwar iċ-ċentri għall-persuni b’diżabbiltà u appellat biex l-inizjattivi jkunu mifruxin fuq iktar ċentri.
Dwar il-volontarjat, qalet li l-budget fih biss paġna waħda għal dan is-settur li fih 1,800 għaqda volontarja. L-ebda għaqda volontarja m’għandha tittallab biex tingħata fondi għal proġetti tant importanti waqt li l-profitti li jkollhom ma jitteħdulhomx.
Hi appellat għal strateġiji futuri bbażata fuq l-inklużjoni f’demokrazija matura.
//= $special ?>