L-avukat tar-raġel Għawdxi akkużat li biegħ laħam tal-qtates fix-Xagħra, qal li l-investigazzjoni sabet li dan ma kienx minnu, u li l-klijent tiegħu ġie “redikolat” fil-midja. Dan irriżulta meta t-Tnejn komplew jinstemgħu l-kawżi ta’ libell li fetaħ Jimmy Muscat, biċċier Għawdxi li kien akkużat li qed ibigħ laħam fix-Xagħra li fil-verità kien ġej mill-qtates u l-klieb.
Il-Maġistrat Rachel Montebello qed tippresiedi ż-żewġ libelli li kien fetaħ Muscat. Is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, stqarret fil-programm ta’ Andrew Azzopardi fuq RTK 103 li ma nstabet l-ebda evidenza ta’ dan. Kienet qalet li f’investigazzjoni li saret flimkien mal-Pulizija u s-servizzi veterinarji, is-Supretendenza daret diversi postijiet marbuta mal-bejjiegħ tal-laħam u ma sabitx evidenza ta’ prattika ħażina.
Dan apparti li l-ħanut ta’ Muscat kien ilu magħluq. Muscat kien fetaħ żewġ libelli, wieħed kontra l-ġurnalist Gerald Fenech u ieħor kontra l-NGO l-Assoċjazzjoni għall-Annimali Abbandunati. L-avukat ta’ Muscat informa lill-Qorti li kien se jħarrek ukoll żewġ ġurnalisti ta’ Lovin Malta li kkummentaw dwar il-każ “u tista’ tgħid kienu qed jirredikolaw lil Muscat.
Hu stqarr li pprova jagħmel kuntatt ma’ Fenech u akkużah li qed jipprova “jaħrab” għaliex m’għandux indirizz fiss f’Malta jew f’Għawdex. “Fenech iddikjara li dak iż-żmien kien jagħmel parti mit-tim ta’ Lovin Malta“, sostna l-avukat.
Rigward il-proċess ta’ medjazzjoni bejn l-avukati ta’ Muscat u l-NGO tal-annimali, il-Qorti ġiet infurmata li dan il-proċess kien għadu għaddej. Il-Maġistrat ordnat li għas-seduta li jmiss jattendi Muscat.
L-avukat Carmel Gatt qed jirrappreżenta lil Muscat. L-avukat Kristina Camilleri Deguara qed tirrappreżenta l-Assoċjazzjoni għall-Annimali Abbandunati.
//= $special ?>