Fil-Jum Dinji għall-Prevenzjoni u l-Fejqan mill-Isfruttament, l-Abbuż u l-Vjolenza Sesswali fuq it-Tfal, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal nieda l-ewwel fażi tal-istudju dwar l-impatt tat-teknoloġija fuq il-benesseri tat-tfal.
F’konferenza tal-aħbarijiet intqal li t-teknoloġija toffri ħafna opportunitajiet iżda sfortunatament hemm riskju minħabba l-użu ħażin ta’ dawn it-teknoloġiji l-ġodda, li jistgħu jħallu impatt qawwi fuq il-ħajja tat-tfal.
F’kummenti ma’ Net News, il-Kummissarju għat-Tfal Antoinette Vassallo qalet li din ir-riċerka se tipprovdi informazzjoni konkreta dwar l-impatt li qed tħalli t-teknoloġija u l-midji socjali fuq it-tfal. Dan apparti li spjegat li t-teknoloġija qed toħloq stress mentali.
Apparti minn hekk, hija qalet li permezz ta’ din ir-riċerka se joħroġ aktar minn qatt qabel il-ħtieġa li jkun hawn aktar kampanji t’għarfien dwar l-użu tat-teknoloġija fost it-tfal.
L-esperti esprimew tħassib kbir dwar il-ħin eċċessiv quddiem l-iskrin, li jispċċaw maqtugħin minn nies oħra, ir-riskji għas-saħħa mentali u tħarbit tal-irqad kaġun ta’ ħin twil fuq il-midja soċjali. Hawnhekk, huma appellaw sabiex il-ġenituri u l-edukaturi jħeġġu lit-tfal sabiex jagħmlu affarijiet li ma jirrikjedux l-użu tat-teknoloġija.
Intant, din ir-riċerka mistennija li tiġi fi tmiemha fl-2025 u se tkun qed titmexxa mill-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà.
//= $special ?>