Lokali Qorti

Miċħuda talba ta’ Pastor Gordon Manchè fil-konfront tal-PBS

Pastor Gordon Manchè tilef kawża ta’ libell kontra l-PBS bil-Qorti tiddeskrivi l-artikli fil-konfront tiegħu li ma kisru l-ebda dritt fundamentali tiegħu u dak li xandar TVM fuqu u fuq is-soċjetà li jmexxi huwa meqjus bħala ġurnaliżmu responsabbli. Il-Maġistrat Rachel Montebello, fid-deċiżjoni tagħha, qalet li Pastor Manchè naqas li jipprova li TVM immalafama lilu jew lir-River of Love.

Għaldaqstan,t ċaħdet it-talba li għamel għal kumpens wara li ħassu malafamat bl-aġir tal-istazzjon tal-istat. Manchè, f’ismu u f’isem l-komunità evanġelika River of Love, beda proċeduri kontra Charles Dalli, Editur, il-Kap tal-Aħbarijiet Owen Galea u l-ġurnalist Alvin Vassallo.

Manchè talab kumpens għax qal li ħassu malafamat b’żewġ artikli li ġew pubblikati fuq TVM, l-ewwel wieħed miktub minn Galea li fih il-Malta Gay Rights Movement (MGRM) esprimiet tħassib dwar prattiċi ta’ konverzjoni ta’ persuni omosesswali.

Madankollu insista li dan sar “bl-għajnuna u l-qawwa tal-Mulej” u li qatt m sar xejn illegali fil-Knisja tiegħu.

L-artiklu l-ieħor kien b’rabta mal-qtil ta’ Paulina Dembska f’Tas-Sliema li fih jingħad li l-Pulizija kellmet membri ta’ River of Love dwar rabtiet li seta’ kellhom ma’ Abner Aquilina, iż-żagħżugħ mixli bil-qtil. Fix-xhieda tiegħu, Manchè rrikonoxxa li l-Knisja tiegħu ltaqgħet ma’ diversi persuni li kienu jgħixu ħajja omosesswali li ddeċidew li jieqfu jipprattikaw din il-ħajja u saħansitra żżewġu persuni tas-sess oppost.

Galea u Vassallo, li għalihom deher l-Avukat Shawn Zammit, ċaħdu li b’xi mod kienu mmalafamaw lil Manchè u lir-River of Love u ressqu kemm xhieda kif ukoll artikli f’mezzi oħra tax-xandir biex jikkonfermaw dan.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Maġistrat Montebello qalet li r-rapport dwar il-prattiċi tal-konverżjoni sesswali ma jirrapportax biss l-istqarrija tal-MGRM imma jirreferi għal pubblikazzjonijiet oħra preċedenti fil-mezzi tax-xandir b’rabta ma’ din l-allegazzjoni.

Ingħad ukoll li d-dikjarazzjoni tal-MGRM għandha titqies bħala materja ta’ interess pubbliku għax jittrattaw prattiċi potenzjalment illegali. Qalet li mill-provi ġie stabbilit li ċertu Matthew Grech ikkonverta mill-orjentazzjoni omosesswali għal waħda eterosesswali u li jippromwovi attivitament din il-konverżjoni sesswali permezz tal-parteċipazzjoni tiegħu fir-River of Love.

Qalet ukoll li inferenza li r-River of Love attivament tippromwovi xi xorta ta’ fejqan minn stil ta’ ħajja li huwa kompatibbli mal-omosesswalità hi msaħħa mix-xhieda ta’ żewġt aħwa Dawn kien għamluha ċara li biex jitlaqgħu ma’ ħuthom bijoloġiċi kellhom jassoċjaw ruħhom ukoll mal-komunità waqt li l-ġuvni kellu jikkonverti l-orjentazzjoni sesswali tiegħu, ma jibqax jgħix bħala ‘gay’ u jattendi sessjonijiet ta’ terapijia fil-komunità.

Artiklu responsabbli

Il-Qorti ddeskriviet ukoll bħala ġurnaliżmu responsabbli l-artiklu dwar il-qtil ta’ Dembska fejn semmiet kif l-Ispettur Shawn Pawney ikkonferma li l-Pulizija tkellmu ma’ Manch u ma’ żewġ persuni oħra li kienu jattendu l-laqgħat ta’ River of Love li kkonfemaw li Aquilina kien attenda laqgħa tar-River of Love lejlet id-delitt.

Il-Maġistrat Montebello rreferiet għal kif fuq Facebook, ir-River of Love u Manchè rreklamaw attività msejħa “Gay no more – made new by the power of Christ”. Fil-konklużjonijiet tagħha, il-Maġistarat Montebello qalet li fir-rigward tar-rappurtaġġ relatat mal-istqarrija tal-MGRM hi fliet l-artikolu u tqisu bħala newtrali u bilanċjat, fejn ġie pubblikat b’mod skjett il-verżjoni tal-istess MGRM kif ukoll iċ-ċaħda ta’ Gordon John-Manchè li Abner Aquilina kellu x’jaqsam ma’ River of Love.

Dwar l-artiklu b’rabta mal-qtil ta’ Dembska, il-Maġistrat Montebello qalet li ma taqbilx ma’ Manchè li l-artiklu jwassal lill-qarrejja biex jaħsbu li huwa jew ir-River of Love kienu direttament involuti fid-delitt jew li kien qed jiġu investigati b’rabta mal-istess delitt waqt li żiedet li anke mezzi tax-xandir oħra rrapportaw li l-Pulizija tkellmet ma’ membri tar-River of Love wara d-delitt.