Lokali Qorti

Miċħuda talba tal-MUT fuq każ ta’ malafama għax l-istqarrijiet ma laħqux il-livelli skont il-liġi

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello ċaħdet it-talba magħmula mill-Union tal-Għalliema Maltin (MUT) kontra l-Union għall-Edukaturi Professjonali (UPE). Il-każ jitratta fuq il-pubblikazzjoni ta’ artiklu kontroversjali ppubblikat is-sena l-oħra.

Il-President tal-MUT Marco Bonnici u l-union kien fetħu kawża għad-danni kontra Graham Sansone u l-UPE għad-danni għax allegaw li kien hemm stqarrijiet ta’ malafama fl-artiklu “Why Have Educators Been Called to Strike on the 27th November?”

L-MUT allegat li fil-pubblikazzjoni kien hemm dikjarazzjonijiet malizzjużi bil-għan li jimminaw il-kredibbiltà u l-leġittimità waqt perjodu kritiku ta’ negozjati industrijali mal-Gvern. Dwar dan, iż-żewġ unions ippreżentaw argumenti kuntrastanti quddiem il-Qorti tal-Maġistrati.

L-MUT allegat li l-UPE ddikjarat b’mod falz li aċċettat il-proposti finanzjarji tal-Gvern qabel iż-żmien. Mill-banda l-oħra, l-UPE qalet li l-pubblikazzjoni tagħha inkludiet kritika ġusta fl-interess tal-pubbliku inġenerali.

Madankollu, il-Maġistrat Montebello ċaħdet id-dikjarazzjonijiet tal-MUT u qalet li l-istqarrijiet tal-UPE ma laħqux il-livell ta’ malafama skont l-Att ta’ Malta għall-midja u l-malafama, filwaqt li semmiet li l-unions għandhom jittolleraw livell ogħla ta’ kritika u skrutinju professjonali.

L-Avukat Jason Azzopardi deher għall-UPE filwaqt li għall-MUT dehret l-avukat Rebecca Mercieca.