Lokali

“Prim Ministru, bħal Clayton Bartolo, int giddieb ukoll” – Matthew Maggi

Matthew Maggi ħaddiem fis-settur tal-Arti u l-Kultura sostna li l-Ministru Clayton Bartolo jrid jisloħ il-Maltin u l-Għawdxin, dan anke għall-fatt li hemm ammonti kbar ta’ nies Maltin u Barranin li għadhom mhux imħallsin. Dan filwaqt li għamel ċert li Amanda Muscat, dak iż-żmien ħabiba, tingħata konsulenza u job fantażma.

Hu semma kif nies fit-settur tal-films qegħdin jibku d-demm sabiex jieħdu dak li ħaqqhom. Hu sostna wkoll, però, li minħabba l-fatt li tkellem fil-protesta hemm ċans kbir li ma jarax iżjed xogħol, bħalma ġralhom nies oħra li azzardaw ikkritikaw lil dan il-Gvern.

Hu baqa’ jenfasizza l-fatt li mhux ser jieqaf jitkellem u ser ikompli jaħdem flimkien man-nies kollha fis-settur, flimkien mal-poplu Malti u Għawdxi kollu sabiex il-poplu ma jibqax jinsteraq xahar wara l-ieħor.

Matthew Maggi għalaq billi qal li l-Prim Ministru Robert Abela waqqa’ kliemu stess meta kellu jċedi u jħalli lil Clint Camilleri u Clayton Bartolo fil-kabinett tiegħu. Hu nsista li dan il-Gvern hu Gvern giddieb li dejjem lest biex jaqdi lil tal-qalba filwaqt li jabbanduna l-bqijja tal-poplu.