Unjoni Ewropea

Sessjoni plenarja speċjali tal-Parlament mal-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelensky

Il-President tal-Ukrajna Zelensky se jindirizza lill-MPE mill-Ukrajna f’sessjoni speċjali, li timmarka 1000 jum mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja.

Il-President tal-PE Roberta Metsola se tagħmel dikjarazzjoni fil-bidu tas-sessjoni straordinarja, u wara dan il-President Zelensky se jindirizza lill-MPE permezz ta’ konnessjoni bil-vidjo diretta mill-Ukrajna. Imbagħad jindirizzaw il-Kamra l-mexxejja tal-gruppi politiċi.

Minn meta r-Russja nediet l-invażjoni tagħha tal-Ukrajna fl-24 ta’ Frar 2022, l-UE u l-Parlament appoġġaw bil-qawwa lill-pajjiż billi kkundannaw l-aggressjoni tar-Russja, imponew sanzjonijiet u żiedu l-għajnuna politika, umanitarja, militari u finanzjarja tagħhom lil Kiev.

Il-Parlament huwa wkoll sostenitur ferventi tal-isforzi tal-Ukrajna biex tissieħeb fl-UE u ripetutament appella lill-Istati Membri tal-UE biex iniedu taħditiet dwar l-adeżjoni. Barra minn hekk, il-MPE ddikjaraw li r-Russja jeħtieġ li tikkumpensa finanzjarjament għall-qerda li kkawżat fl-Ukrajna, u argumentaw li l-UE għandha tagħmel użu mill-assi tal-istat ikkonfiskati ta’ Moska biex tiffaċilita dan.