Lokali Qorti

Żewġ sorijiet li allegatament abbużaw minn tfal f’Lourdes Home ma jixhdux minħabba raġunijiet mediċi

Żewġ sorijiet li għexieren ta’ snin ilu allegatament abbużaw minn diversi tfal li kellhom jixhdu quddiem l-Imħallef Mark Simiana, naqsu milli jattendu l-Qorti biex jagħtu x-xhieda tagħhom minħabba appuntamenti mediċi. Għaldaqstant ġie deċiż li dawn jixhdu online fis-27 ta’ Jannar li ġej.

Dan ħareġ meta quddiem l-Imħallef Mark Simiana, kompliet il-kawża kostituzzjonali kontra l-istat, li fetħu l-allegat vittmi ta’ abbuż f’Lourdes Home, f’Għajnsielem, Għawdex. Is-sorijiet Josephine Anne Sultana u Dorothy Mizzi li għandhom ‘ fuq minn 80 sena, kellhom jagħtu x-xhieda tagħhom it-Tnejn waranofsinhar. B’rabta ma’ dan il-każ, is-soru Carmelita Borg kienet ukoll qed tiġi implikata b’rabta ma’ dan l-abbuż. Din is-soru, iżda, mietet aktar kmieni din is-sena.

Il-kawża kostituzzjonali li kienu ppreżentaw il-vittmi saret kontra l-Avukat tal-Istat minħabba li skont huma, l-Istat naqas li jipproteġihom minn dan l-allegat abbuż li jmur lura għas-snin tmenin. Il-Pulizija kienet iddikjarat li ma tistax takkużahom peress li l-każ huwa preskritt. Is-sorijiet għadhom joperaw liberament fi ħdan istituzzjonijiet proprjetà tas-sorijiet Dumnikani, minkejja l-lista twila ta’ allegazzjonijiet serji li jiffaċċjaw.

F’Lulju 2022, il-vittmi tal-abbuż iltaqgħu mal-Kummissjoni għas-Salvagwardja tad-Djoċesi ta’ Għawdex, li wassal biex jiġi ppreżentat rapport tal-Pulizija. Ftit ġimgħat wara, il-vittmi ssejħu għal laqgħa mal-Ispettur tal-Pulizija Kylie Borg. Iżda minkejja l-laqgħa, il-Pulizija kienet qalet li ma tista’ tieħu l-ebda azzjoni legali kontra dawk involuti għax għadda wisq żmien.

Fil-Qorti, l-allegati vittmi li fetħu l-każ li huma żewġ nisa u li kienu jgħixu f’Lourdes Home, qed jgħidu li kienu qed jiġu abbużati minn xi sorijiet, b’waħda minnhom kienet tkun wara l-bieb lesta bl-injama f’idha u jekk xi tifla kien ikollha l-uniformi maħmuġa, kienet taqla’ d-daqqiet.

Mix-xhieda sa issa rriżulta li b’kollox kienu 50 tifel u tifla, u kien hemm żewġ sorijiet ma’ kull grupp. Bit-tfal ikollhom timetable stretta, li kienet tinkludi kull tip ta’ tindif, fejn kien isir swat għall-ebda raġuni ta’ xejn. Waħda mill-vittmi sa qalet lill-Pulizija li kienet ġiet imsakkra f’kamra għal tlett ijiem meta kellha biss 10 snin. Għall-vittmi qed tidher l-avukat Lara Dimitrijevic.

Ir-rakkonti mogħtija mill-vittmi ta’ dan abbuż f’idejn is-sorijiet fl-orfanatrofju tad-Dar ta’ Lourdes, kienu xxukkjaw lil ħafna. Għexieren ta’ snin wara li kienu soġġetti għal abbuż fit-tfal, il-vittmi baqgħu trawmatizzati anke issa li waslu fl-età adulta tagħhom. L-abbuż kien ivarja minn abbuż sesswali minn idejn il-kleru, swat fiżiku fuq tfal ta’ età żgħira ta’ ħames snin, sa nsulti.

Fil-ħin tal-abbuż, Sister Josephine Anne Sultana kienet inkarigata tieħu ħsieb waħda mis-sezzjonijiet tal-orfanatrofju fejn kienu qed jinżammu t-tfal. Hija kienet deskritta bħala “dittatur” minn waħda mill-vittmi. Is-soru allegatament kienet tikkastigahom b’modi umiljanti. Waħda mill-vittmi rrakkontat kif it-tfal żgħar kienu jiġu mġiegħla “jieklu r-remettar tagħhom stess” bħala kastig.

“Ma kontx inħobb niekol meta kont tifla żgħira, u niftakar li l-ikel kien tant ħażin li kont inneħħih. Meta kien jiġri hekk, kienet iġegħelni nerġa’ npoġġi r-remettar fuq il-platt u nerġa’ nieklu,” qalet waħda mill-vittmi f’xhieda preċedenti.

Waħda mill-vittmi li fetħet il-każ fil-Qorti kienet qalet ukoll li dawn il-ħniżrijiet kienu jsiru meta hi kienet għadha tifla ta’ bejn sitta u 16-il sena. Qalet li soru kienet ukoll tesponiha ma’ qassis li kien imur fl-istitut għall-qrar u jesponi l-parti privata tiegħu quddiemha bis-soru tgħidilha li peress li dak iż-żmien ma kellhiex ‘boyfriend’ għandha tkun taf kif għandu jkollha l-feelings mal-irġiel.

Xhud mara li llum għandha 51 sena, qalet li fl-istitut magħha kien hemm ħutha iżda ma kellhiex idea tagħhom għax kellhom kunjom differenti. Qalet li s-soru kienet ġieli kaxkritha 22 tarġa u r-raġuni għalha għadha ma tafhiex sal-lum.

Għall-vittmi qed tidher l-Avukat Lara Dimitrijevic.