Raġel ta’ 38 sena residenti Ħaż-Żabbar ġie kundannat 19-il xahar ħabs wara li nstab ħati li f’Ottubru li għadda seraq sellum minn Ħaż-Żabbar stess biex jixtri d-droga. Il-Maġistrat Leonard Caruana sema’ lill-prosekuzzjoni tgħid li s-sellum insteraq fit-30 t’Ottubru bejn it-3am u s-6am fi Triq Giuseppe Micallef.
Is-sellum kien marbut mas-saqaf ta’ vann. Minn filmati tas-CCTV, jirriżulta li l-vann kien ipparkjat quddiem id-dar tal-vittma. L-akkużat, li kien miexi ma’ persuna oħra, ra s-sellum u ħadu minn fuq il-vann. Michael Spiteri nstab ħati wkoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà provviżorja u li hu reċidiv.
Spiteri ammetta l-akkużi kollha kontrih. Kien hu stess li ammetta li s-sellum serqu biex ikun jista’ jixtri d-droga. Apparti l-piena ta’ ħabs, il-Qorti ordnat il-konfiska ta’ €50 mill-garanzija personali imposta fuq l-akkużat, poġġiet lil Spiteri taħt ordni ta’ trattament għal sentejn biex jegħleb il-vizzju tad-droga u ordnatlu jħallas lill-vittma €185 tas-sellum.
//= $special ?>