Il-qawwiet tal-Ukrajna, fl-aħħar sigħat, sparaw il-missili għal fuq id-distanzi twal lejn ir-Russja….Missili provduti lill-Ukreni mill-Istati Uniti u bl-attakk iseħħ proprju l-għada (ilbieraħ) li Washington kien ta l-permess biex isiru dawn l-attakki.
L-Istati Uniti, għalissa, qed titmexxa mill-Gvern Demokratiku tal-President Joe Biden u meta l-amministrazzjoni ġdida tal-President-elett Donald Trump għandha tieħu l-poter uffiċjalment f’nofs-Jannar.
Fil-fatt, xi osservaturi politiċi jaħsbu li ż-żieda fl-appoġġ tal-Amerikani lill-Ukreni għandha toħloq ‘l-intoppi’ għal Donald Trump li ilu jinsisti li għandu politika speċifika biex iwaqqaf il-gwerra li ilha għaddejja fl-artijiet Ukreni minn Frar tal-2022.
Sadanittant, l-użu ta’ dawn il-missili mill-Ukreni kważi bilfors għandha twassal għal eskalazzjoni tal-gwerra fl-Ukrajna li, illum, għalqet l-1,000 jum.
Dan għaliex ir-Russja ilha twissi li eskalazzjoni bħal din għandha tfisser reazzjoni ‘ferm aktar ħarxa’ mill-Kremlin minn aspett militari,
Fil-fatt, il-President Russu, Vladimir Putin, approva l-bidliet għall-politika nukleari ta’ pajjiżu…Bidliet li jfasslu l-kundizzjonijiet ġodda għal sitwazzjonijiet fejn ir-Russi għandhom jikkunsidraw li jirrikorru anki għall-armi nukleari….Armi li, f’dan il-każ, għandhom jinvolvu l-hekk-imsejħa tactical nukes li jħallu impatt għaz-zoni speċifikati, fosthom il-fronti tal-battalja.
Bidla oħra importanti fil-Kostituzzjoni tar-Russja tesiġi li attakk fuq l-artijiet tal-pajjiż minn Stat li mgħandux l-armi nukleari iżda li jkollu l-appoġġ ta’ potenza nukleari għandu jitqies bħala assalt konġunt fuq il-poplu Russu.
Il-qawwiet Ukreni, intant, użaw is-sistema tal-Army Tactical Missile System — jew Atacms – għal attakk fuq ir-reġjun ta’ Bryansk.
L-impatt kien għadu qed ikun ikkalkulat fl-aħħar sigħat, bir-Russi jgħidu li rnexxielhom iwaqqgħu talanqas ħamsa minn dawn il-missili – bil-partijiet tagħhom jikkaġunaw in-nirien qalb faċilità militari fir-reġjun.
Madankollu, l-attakk jirrappreżenta l-ewwel darba fl-istorja li l-missili għal fuq distanzi twal intużaw fuq it-territorji tar-Russi li huma rikonoxxuti mill-komunità internazzjonali…Fl-istess ħin, Moska kienet qed testenna żvilupp sinifikanti ladarba l-Istati Uniti indikat li l-Ukrajna kellha l-permess biex tispara l-Atacms lejn l-artijiet tar-Russja.
Fil-bidu tal-ġimgħa, fil-fatt, Moska ma tilfitx żmien biex twissi li attakk fuq dan il-livell kellu jqanqal ‘tweġiba xierqa u tanġibbli’ fiċ-ċirkustanzi.
Min-naħa tagħhom, l-Ukreni konfermaw li l-missili tagħhom laqtu depot għall-munizzjon fil-belt ta’ Karachev (fi Bryansk) iżda ma speċifikawx jekk, fil-fatt, intużawx l-Atacms….Mifhum ukoll li l-missili kaġunaw ħafna splużjonijiet sekondarji fl-inħawi fejn niżlu.
//= $special ?>