Internazzjonali

Hong Kong: Ħabs għall-kapijiet demokratiċi… bil-Gvern ta’ Beijing jissikka l-morsa

Qorti fit-territorju ta’ Hong Kong ikkundannat lill-għexieren ta’ kapijiet tal-moviment demokratiku għal diversi snin ta’ priġunerija. Dan kien ir-riżultat ta’ proċess kontroversjali – fuq livell nazzjonali – tan-nies mixlija li ħadmu kontra s-sigurtà tal-komunitajiet f’Hong Kong.

Benny Tai ta’ 60 sena u Joshua Wong ta’ 28 sena, kienu fost grupp ta’ kważi 50 attivist u deputati li kienu involuti fi pjan għall-għażla ta’ kandidati biex jikkuntestaw l-elezzjonijiet lokali għan-nom tal-Oppożizzjoni. Tai ngħata sentenza ta’ għaxar snin ħabs waqt li Wong weħel ħames snin priġunerija. Intant, xi 45 persuna wkoll weħlu l-ħabs għal attivitajiet li ‘marru kontra l-interessi tal-Istat’.

Il-proċess tal-imputati kien l-akbar wieħed li qatt sar taħt il-Liġi tas-Sigurtà Nazzjonali li ċ-Ċina imponiet fuq Hong Kong, ftit wara l-protesti kbar favur id-demokrazija li kienu saru f’dak it-territorju fl-2019.

F’dik is-sena, mijiet ta’ eluf ta’ dimostranti kienu ħarġu fit-toroq biex jipprotestaw kontra l-Gvern komunista f’Beijing, Il-protesti damu għal xhur, bin-nies jesprimu għadab għal trattat propost mill-Gvern Ċiniż bil-ħsieb li jippermetti għall-estradizzjoni ta’ persuni minn Hong Kong lejn iċ-Ċina. Il-protesti maż-żmien bdew jirriflettu xewqa ħafna akbar għar-riformi demokratiċi f’Hong Kong.

Madankollu, il-proċess kbir għall-attivisti dgħajjef  b’mod sinifikattiv lill-moviment favur id-demokrazija f’Hong Kong u bil-Gvern tal-President Ċiniż, Xi Jinping qed jissikka dejjem aktar il-kontroll fuq it-territorju li fil-passat kien kolonja tar-Renju Unit.

.