Knisja Kultura Lokali

Il-11-il edizzjoni tal-Malta International Organ Festival

Noel D'Anastas

Kollox jinsab lest biex nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Novembru 2024 jitla’ s-separju għall-11-il edizzjoni tal-Malta International Organ Festival, festival prestiġjuż li jilqa’ fih ukoll uħud mill-aqwa organisti internazzjonali. Mit-22 ta’ Novembru sas-7 ta’ Diċembru se jittellgħu 10 kunċerti f’bosta Kattidrali, Bażiliċi u Knejjes madwar Malta u Għawdex – edizzjoni oħra li se twassal uħud mill-aqwa xogħlijiet komposti għal dan l-istrument.

L-attrazzjoni prinċipali se jkun Cameron Carpenter, mużiċista pereċċellenza fil-prestazzjoni tiegħu li jwassal fuq dan l-istument. Il-kunċert se jsir fil-Kattidral Anglikan ta’ San Pawl fil-Belt nhar it-22 ta’ Novembru, propjru fl-ewwel jum ta’ dan il-festival. Dan se jkun kunċert straordinarju bil-mużika ta’ Bach li fih Carpenter se jwassal it-teknika vibranti li jħaddan fuq l-orgni.

Il-mużiċista Cameron Carpenter (Ritratt: Dovile Sermokas)

L-għada, fit-23 ta’ Novembru, l-appuntament ikun għall-knisja parrokkjali ta’ Santa Maria, fiż-Żebbuġ Għawdex, fejn hemm Franco Cefai se jimprovizza innijiet sagri Maltin fuq l-orgni.

‘From Bach to Piazzolla’ huwa l-isem tal-kunċert għall-orgni li se jittella’ fil-knisja parrokkjali ta’ Santu Wistin, fil-Belt, mill-organista Russa, Svetlana Berezhnaya fis-26 tax-xahar. L-għada, fil-knisja parrokkjali ta’ Santa Maria tal-Gudja jittella’ kunċert mill-organista Pollak, Dariusz Bąkowski-Kois fejn se jessegwixxi l-‘Golden Age’ tal-mużika Barokka għall-orgni.

Hekk kif din is-sena qed jitfakkar il-mitt sena mill-mewt ta’ Giacomo Puccini, din l-edizzjoni se twassal kunċert għall-orgni bix-xogħlijiet ta’ Puccini għal dan l-istrument fil-Konkattidral ta’ San Ġwann, fil-Belt, nhar id-29 ta’ Novembru, propju fil-jum ta’ mewtu. Idoqq l-orgni t-Taljan, Paolo Bottini, kunċert organizzat mill-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda.

‘Echoes of Joy’, il-kunċert għall-orgni u l-flawt se jittella’ fil-knisja ta’ San Mark, fir-Rabat, fl-aħħar jum tax-xahar bis-sehem tal-organista Taljana Stefania Mettadelli u l-flawtista ukoll Taljan, Luca Magni.

Fit-2 ta’ Diċembru, l-organista Spanjol, Augusto Beau, is-soprana Russa, Maria Kozlova u l-baritonu Malti, Joseph Lia jesegwixxu xogħlijiet b’tema tal-Milied f’kunċert li se jsir fl-Oratorju tal-Onorati fil-knisja tal-Ġiżwiti, fil-Belt. Fl-4 ta’ Diċembru jkun imiss kunċert għat-trumbetta u l-orgni li se jsir fil-Bażilika tal-Madonna tal-Porto Salvo u San Duminku, fil-Belt. Idoqqu t-Taljani Marco D’Avola l-orgni, u Filippo Lombardi t-trumbetta.

Il-kunċert tal-5 ta’ Diċembru huwa mmirat għal diversi artisti, pjattaforma ta’ talent. Dan se jsir fil-Bażilika ta’ Santa Maria tal-Mosta.

Il-Malta International Organ Festival jiġi fi tmiemu nhar is-7 ta’ Diċembru fil-Bażilika ta’ Kristu Re, f’Raħal il-Ġdid, b’kunċert għall-orgni u orkestra mill-organista u direttur, il-Ġermaniż Johannes Skudlik flimkien mal-Malta International Organ Festival Orchestra.

Dan il-festival għandu s-sapport ta’ VisitMalta, APS Bank, l-Ambaxxata Ġermaniża u Festivals Malta, flimkien mal-Kunsilli Lokali ta’ Raħal Ġdid u Żebbuġ. Uħud mill-kunċerti huma bil-ħlas. Il-programm aktar dettaljat jinsab fuq is-sit www.MaltaInternationalOrganFestival.com.