Lokali

Il-Kappelli ta’ Malta – Vjaġġ Storiku; pjataforma virtwali li tiftaħ tieqa’ fuq madwar 300 kappella

Missio Malta, f’kollaborazzjoni mal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, qed tniedi Il-Kappelli ta’ Malta –

Vjaġġ Storiku, pjattaforma ġdida li tiftaħ tieqa fuq id-dinja affaxxinanti tal-kappelli u l-knejjes

żgħar f’Malta u Għawdex.

Stmati li huma madwar 300 b’kollox, il-kappelli u l-knejjes żgħar f’Malta, Għawdex, u Kemmuna,

għandhom storja importanti x’jirrakkontaw, hekk kif huma xhieda ta’ kapitlu sħiħ fil-wirt storiku

rurali ta’ Malta. Il-Kappelli ta’ Malta – Vjaġġ Storiku se jipprovdi lill-viżitaturi b’mawra virtwali

dettaljata ta’ dawn il-ġawhar, li se jkun aċċessibbli fuq kull apparat.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef sostna: “L-MTA hija kburija li

tkompli l-kollaborazzjoni tagħha ma’ Missio Malta fuq dan il-proġett importanti. Il-Kappelli ta’

Malta – Vjaġġ Storiku juri t-teżori kulturali u reliġjużi li jinsabu fil-qalba tal-istorja tal-gżejjer

tagħna, u joffri lill-Maltin u lill-viżitaturi l-opportunità li jifhmu dak kollu li għandu x’jaqsam mal-wirt

rurali ta’ Malta. Din il-pjattaforma innovattiva ssaħħaħ l-impenn tagħna li nsaħħu t-turiżmu reliġjuż

billi noħolqu esperjenzi immersivi li jenfasizzaw it-teżori spiritwali u arkitettoniċi mifruxa madwar il-

gżejjer Maltin. Billi nagħmlu dawn il-kappelli aċċessibbli b’mod tant modern u attraenti, mhux biss

qed nippreżervaw il-wirt tagħna imma wkoll qed nikkontribwixxu għas-sostenibbiltà tas-settur

turistiku tagħna, u niżguraw li l-istorja rikka tagħna tibqa’ pedament tal-identità nazzjonali tagħna.”

“Missio tirsisti biex tiskopri u tiżviluppa opportunitajiet ta’ sostenibbiltà, sabiex tkompli bil-missjoni

ewlenija tagħha li tappoġġja komunitajiet f’aktar minn 1,200 raħal fl-Afrika, l-Asja, u l-Amerika

t’Isfel. Permezz ta’ Il-Kappelli ta’ Malta – Vjaġġ Storiku, Missio se toffri prodott ta’ kwalità għolja

kemm għal nies lokali kif ukoll għat-turisti li huma interessati fil-wirt reliġjuż u storiku tagħna, bi

ħlas żgħir li jappoġġja l-ħidma ta’ Missio. Barra minn hekk, il-pubbliku jkun jista’ jżid donazzjoni

jekk ikun jixtieq,” qal Robert Farrugia, Kap tal-Komunikazzjoni u Ġbir ta’ Fondi ta’ Missio Malta.

Il-Kappelli ta’ Malta – Vjaġġ Storiku se jipprovdi għall-ewwel darba katalogu komplut tal-kappelli

u l-knejjes żgħar kollha f’Malta. Il-pjattaforma ddedikata se tipprovdi mawra virtwali immersiva 3D

ta’ ġewwa tal-kappella, kif ukoll veduta panoramika ta’ 360°, tal-inħawi tal-madwar. Vidjo mill-ajru

taż-żona ta’ madwar il-kappella se jkompli jżid mal-esperjenza tal-viżitatur.

Il-pjattaforma wkoll se tagħti lill-viżitaturi informazzjoni storika dettaljata u preċiża dwar kull

kappella, inkluż informazzjoni dwar il-qaddis li għaliha hija ddedikata, l-importanza arkitettonika

tagħha, u kwalunkwe stejjer jew leġġendi li jistgħu jeżistu madwar il-binja.

Dan kollu, flimkien ma’ rakkont awdjo, se jkun aċċessibbli fuq il-post tal-kappella stess, permezz

ta’ kodiċi QR.

L-objettiv ġenerali ta’ dan il-proġett huwa li jippromwovi l-interess fil-wirt rurali ta’ Malta kif ukoll li

jfittex li jkabbar it-turiżmu bbażat fuq il-fidi. Dan il-proġett se jiġi maħluq bil-Malti, kif ukoll f’ħames

lingwi oħra ewlenin biex tiżgura aċċessibbiltà kemm jista’ jkun wiesgħa.