Internazzjonali Unjoni Ewropea

“Il-Parlament Ewropew se jibqa’ jappoġġja lill-Ukrajna, sa ma jkunu liberi u sa ma sseħħ paċi reali”

Extraordinary plenary session - 1000 days of Russia's full-scale invasion of Ukraine

Il-Parlament Ewropew se jibqa’ jappoġġja lill-Ukrajna, sa ma jkunu liberi, sa ma sseħħ paċi reali. Kliem il-President tal-Parlament Ewropew u MEP f’isem il-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola waqt li fetħet Sessjoni Plenarja Straordinarja biex timmarka l-1000 jum tal-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna.

Il-President Metsola qalet li l-poplu Ukren ilu għaddej minn 1,000 jum ta’ terrur u tbatija. Hija faħħret il-kuraġġ u r-reżiljenza murija mill-poplu tal-Ukrajna, u qalet lill-President Zelenskyy, li ngħaqad f’kollegament dirett waqt is-Sessjoni Plenarja, li huma wrew lid-dinja kif tkun il-qlubija vera.

Il-President Metsola qalet li l-Parlament Ewropew kien spalla ma’ spalla mal-poplu tal-Ukrajna u r-rappreżentanti tiegħu fil-Verkhovna Rada. Żiedet tgħid li dan huwa attakk mhux biss fuq l-Ukrajna iżda fuq l-ordni bbażata fuq ir-regoli.

Il-President Metsola qalet li l-Parlament Ewropew dejjem se jaħdem qatigħ għall-paċi.

Dan hu dak li ntqal fis-Sessjoni Straordinarja tal-Parlament Ewropew:

Roberta Metsola

President tal-Parlament Ewropew 

“We will always stand for peace – a real peace based on justice, dignity and the principle of ‘nothing about Ukraine without Ukraine’.”

Is-sessjoni kienet indirizzata wkoll mill-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelenskyy.

Volodymyr Zelenskyy

President tal-Ukrajna

“We must do everything to end this war fairly and justly, as you mentioned Roberta, and of course together. A 1000 days of war is a tremendous challenge. And we want to make next year the year of peace.”

Il-President Zelenskyy rringrazzja lill-President Metsola u lill-Parlament Ewropew għall-appoġġ bla waqfien tagħhom.