Justin Schembri, PN
Id-deputat Nazzjonalista Justin Schembri qal li l-PN għandu programm ċar dwar l-edukazzjoni li mill-gvern irid iwettqu għall-ġid tal-istudenti, l-edukaturi u dawk kollha involuti.
Ix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-Snajja’ Justin Schembri qal meta kien qed jitkellem fid-dibattitu parlamentari dwar il-Ministeru tal-Edukazzjoni, li l-budget kien mimli retorika dwar il-kwalitá fl-edukazzjoni u sostna li l-gvern jidhirlu li jista’ jsikket u jagħlaq ħalq l-għalliema billi jagħmlilhom sarima u jibdilhom f’pupazzi tal-gvern.
Dan b’riferenza għad-direttiva tal-gvern f’Settembru li għadda li fiha l-gvern qed jittama li l-għalliema jieqfu jikkritikawh b’mod kostruttiv fuq il-midja soċjali. Id-direttiva tgħid li jekk dan il-permess jingħata, l-edukaturi jridu jirriflettu biss il-politika tal-gvern.
Fl-istess waqt li l-edukaturi li ma jistgħux jitkellmu fil-qasam tagħhom, il-gvern jiftaħar li jikkonsultazzjoni mal-għalliema u jirriklama l-budget fil-klassijiet bis-slogan ‘Pajjiż ta’ Kwalità’. Dan anki fi klassijiet li qed jaqgħu, sostna Justin Schembri, li qal li kien ressaq talba lill-Kummissarju fi ħdan l-Ombudsman biex jinvestiga din iċ-ċirkolari. Hu qal li l-ebda ilment jew ċirkolari ma kien se jwaqqfu milli jitkellem għaliex dan hu dritt tal-Oppożizzjoni u tal-għalliema.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern hu ossessjonat bin-numri u żied li n-numri donnhom huma s-soluzzjoni għal kollox. Fl-edukazzjoni l-gvern ippreżenta diversi numri iżda meta dawn ikunu analizzati, jirriżulta li dawn huma żbaljati jew mhumiex korretti b’intenzjoni.
Il-Prim Ministru kien sostna li l-għalliema l-ġodda se jieħdu salarju doppju iktar minn xahrejn ilu. Dan mhuwiex minnu, sostna Justin Schembri, li kompla li minn dak li qed jgħid il-gvern jirriżulta li hemm 98 riżenja ta’ għalliema. Iżda fit-18 ta’ Ottubru 2024, il-gvern qal li rriżenjaw 87. Liema huma n-numri korretti?
Justin Schembri qal li n-numri dwar l-għalliema tal-edukazzjoni fiżika wkoll ma jaqblux. Hawn eluf ta’ edukaturi li ma jafux ħadux l-arretrati kif suppost għax kien hemm minnhom li qed ikollhom jagħtu ammonti lura. Il-gvern qed jonqos milli jinvesti f’diversi setturi tal-edukazzjoni, sostna Justin Schembri, li kompla li dwar l-MCAST il-gvern m’għandux idea ta’ allokazzjoni.
Dwar l-iskejjel, hu qal li dawn fihom wisq studenti u l-gvern m’għandux pjan kif se jindirizza din il-problema. Hawn numru kbir ta’ tfal li jmorru fi skejjel f’zoni oħra bi spejjeż ta’ trasport li jammontaw €20,000 u li jitħallsu mill-gvern.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-PN jilqa’ l-istrateġija nazzjonali għall-edukazzjoni iżda jeħtieġ pjan ta’ azzjoni. Hu semma’ r-riżultati tal-O Levels tal-2024 fejn jirriżulta li fl-Ingliż hemm 700 student li ġabu ‘U’, fil-Malti kien hemm 925 student u l-matematika kien hemm 1,000 student li ġabu din il-marka.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern wiegħed laptop għal kull student iżda t-tfal tas-7 sena tas-sena li għaddiet u fit-8 sena din is-sena, għadhom mingħajru. Il-liċenzjar tat-tablets issa se jkun skaduta u dawn għalhekk se jkunu skaduti.
L-iżvilupp diġitali ma jibdiex u jieqaf mal-laptops jew tablets iżda ma’ żviluppi oħra fosthom il-librerija tal-iskejjel tal-gvern. Hemm għalliema nieqsa f’diversi skejjel, sostna Justin Schembri, li kompla li hawn għexieren ta’ skejjel li qed jaqgħu biċċiet.
Il-gvern kien ilu snin jitkellem dwar l-iskola tal-Imsida li issa tlestiet iżda din swiet €10 miljun iktar milli swiet. Issa l-Ministru Clyde Caruana ma jistax jafda lill-FTS bi skejjel ġodda tant li mhux jitkellem dwar l-iskola l-ġdida fil-Mellieħa. Gvern Nazzjonalista kien jibni skola ġdida kull sena waqt li gvern Laburista jwiegħed biss li jirranġa l-iskejjel.
Justin Schembri qal li l-gvern lanqas hu kapaċi jagħmel ac units fl-iskejjel u sostna li l-inklużjoni ma teżistix fil-pajjiż. Hu tkellem dwar iċ-child care u qal li qed issir diskriminazzjoni ma’ kategoriji ta’ tfal bil-konsegwenza li l-ġenituri jkollhom iħallsu.
Fl-MCAST, il-ftehim kollettiv ilu tliet snin skadut b’effetti negattivi fuq l-istudenti, sostna Justin Schembri, li kompla li l-istudenti qed iħossuhom tat-tieni klassi għaliex il-gvern mhu jagħmel xejn.
Dwar l-università, Justin Schembri qal li l-gvern qal li l-università għandha tkun magna li tipproduċi l-flus, iżda l-PN iħares lejn l-università, iħares lejn din l-istituzzjoni b’mod totalment differenti. Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-istrateġija li nktibet waqt il-COVID ma kinitx moqrija u fil-fatt ħadd ma ppreżenta strateġija li hemm bżonn għaliex dik hi strateġija skaduta.
Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar l-istituzzjonijiet edukattivi privati u appella biex dawn jingħataw l-importanza meħtieġa. Hu qal li jeħtieġ li l-pajjiż jirnexxielu jingaġġa iktar għalliema.
//= $special ?>