David Agius, PN
Id-Deputy Speaker u Shadow Minister għall-Fondi Ewropej u Sport, David Agius, sostna fil-Parlament li jeħtieġ investiment u miri speċifiċi għas-suċċessi tal-atleti Maltin.
Fid-dibattitu parlamentari dwar il-Ministeru tal-Edukazzjoni, David Agius sellem lil Mario Meli, li kien ġurnalist u amministratur sportiv għal tant snin u li miet fl-aħħar ġranet. Mario Meli kien persuna li ffoka fuq diversi sport, sostna David Agius, li appella biex dan l-eżempju jittieħed biex titkattar kultura sportiva fil-pajjiż.
Hu tkellem dwar il-football u qal li f’dan l-ikbar sport, il-gvern qed jittituba biex jitkellem mal-MFA fuq diversi kwistjonijiet fosthom l-estenzjoni tal-perjodu tal-MFA fTa Qali. Dan hu importanti għaliex l-MFA trid tagħmel żvilupp sportiv f’Ta Qali iżda biex dan isir, l-art tkun devoluta lill-istess MFA. Il-gvern ma tax risposta dwar liġi importanti dwar kumpaniji kummerċjali fl-isport.
Id-deputat Nazzjonalista qal li fil-waterpolo qed isir investiment tajjeb u kompla li qed jinkisbu suċċessi wkoll fi sport ieħor li jrid ikompli billi jsir iktar investiment fihom.
Jeħtieġ li jsiru miri speċifiċi biex jinkisbu suċċessi, li għandhom il-miri li tintrebaħ midalja Olimpika. Iżda biex dan isir irid ikun hemm investiment. Hu semma’ l-ibburdjar u l-isparar bħala żewġ setturi li fihom Malta tista’ tikseb suċċessi iżda ma jistax ikun li jkunu investiti €500,000 f’dgħajsa li għadha ma ntużatx għal sentejn. Issa din għaddiet lill-Federazzjoni tal-Ibburdjar.
Hu semma’ l-isparar u qal li l-budget għax-shooting range hu biss €100,000. Mhux se ssir l-indoor shooting range? X’se jsir mill-ground tal-football tal-Imsida għaliex tneħħa l-vot ta’ €300,000 allokati għalih? staqsa David Agius.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-Logħob tal-Pajjiżi Żgħar, it-tisħiħ ta’ proġetti, it-tax credits għal min jibgħat lit-tfal fil-klabbs, il-pixxina ta’ Għawdex u l-għoti ta’ scholarships huma tajbin, iżda fil-budget m’hemm xejn dwar it-trakka tal-karozzi.
David Agius staqsa dwar il-korsa taż-żwiemel u qal li din ilha tissemma’ snin twal iżda baqa’ ma sar xejn. X’qed jagħmel il-gvern dwar il-permessi neċessarji għall-korsa tal-Marsa?
Fil-budget hemm biss numru limitat ta’ proġetti li huma biss motorsport u l-pixxina ta’ Għawdex, iżda l-unku idea ġdida fil-budget kienet li l-gvern iħallas l-ewwel sitt xhur ta’ sħubija f’gym għaż-żgħażagħ; għalkemm mhux kollha. Hu staqsa għaliex din l-inizjattiva ma kinitx mifruxa wkoll għal kulħadd partikolarment dawk li għandhom problema ta’ obeżità.
Hu qal li m’hemmx biżżejjed flus ivvutati għall-Ispecial Olympics u appella biex il-burokrazija titneħħa minn setturi tal-karate u setturi oħra li huma volontarji. Dwar l-esport, David Agius qal li dan hu settur importanti u appella biex tiżdied l-attività fiżika fl-iskejjel. Jeħtieġ issir korsa għaċ-ċiklisti fuq barra u rowing tank, li kienu jissemmew. Hu semma’ l-boċċi u qal li m’hemmx stadium nazzjonali għal dan l-isport.
David Agius appella biex terġa’ ssir il-ġirja tal-Community Chest Fund mal-President. Jeħtieġ li fil-Marsa u f’Ta’ Qali jkun żviluppat ċentru sportiv. Hu appella biex id-dawra madwar Ta’ Qali tkun żviluppata għall-ġiri u l-mixi. Il-miri għandhom ikunu fuq l-elite biex jinkisbu l-midalji u s-suċċessi u wkoll it-tkattir tal-kultura sportiva mal-poplu Malti, sostna David Agius.