Żagħżugħ ta’ 22 sena mill-Belt inżamm arrestat wara li l-pulizija sabulu d-droga suspettata kokaina, eroina, u cannabis waqt spezzjoni tat-traffiku f’Raħal Ġdid. Kyle Pace ġie arrestat wara s-sejba ta’ droga suspettata kienet moħbija fil-qalziet u fil-karozza tiegħu waqt ‘kontroll tat-traffiku tal-pulizija’road block’ f’Raħal Ġdid.
Il-Qorti ċaħdet il-ħelsien mill-arrest, u semmiet biża’ ta’ reati ulterjuri u tbagħbis tal-evidenza. L-ispettur spjega kif fis-17 ta’ Novembru 2024 għall-ħabta tat-3:30pm, waqt kontroll tat-traffiku li sar fi Triq Giuseppe Garibaldi f’Raħal Ġdid, il-pulizija nnotaw vettura li x-xufier tagħha, malli ra lill-uffiċjali, reġġa’ lura f’daħla li tagħti għal għalqa u waqaf.
L-uffiċjali mill-ewwel resqu lejn il-vettura, u x-xufier informa lill-pulizija li ma kellux liċenzja tas-sewqan. Minħabba suspett raġonevoli, saret tfittxija fil-vettura, fejn il-pulizija sabu żewġ pakketti suspettati li kienu cannabis kif ukoll somma ta’ flus kontanti ta’ madwar €1,400.
Sussegwentement, hekk kif l-uffiċjali kienu se jfittxu lir-raġel, huwa ħareġ żewġ boroż moħbija fil-qalziet u tefagħhom ġo ġibjun tal-ilma fil-qrib. Dawn il-basktijiet inġabru immedjatament mill-pulizija u nstabu li kien fihom diversi pakketti b’sustanzi bojod u kannella suspettati kokaina u eroina.
Ir-raġel ġie arrestat fuq il-post, u ttieħed recount tal-ammont totali ta’ sustanza misjuba. Omm l-akkużat flimkien mat-tfajla tiegħu kienu preżenti fil-Qorti, it-tnejn li huma dehru emozzjonati ħafna matul il-proċediment kollu.
Id-difiża ma kkontestatx il-validità tal-arrest tal-akkużat. L-akkużat wieġeb mhux ħati, u d-difiża talbet il-ħelsien mill-arrest tal-akkużat. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-fatt li hemm pussess aggravat ta’ droga, u f’każ ta’ ħtija, l-akkużat jiffaċċja terminu ta’ priġunerija effettiva.
Hemm inkjesta maġisterjali li bħalissa għaddejja, u hemm il-biża’ li l-akkużat jista’ jagħmel reat ieħor. Il-prosekuzzjoni esprimiet biża’ ta’ tbagħbis tal-evidenza minħabba l-istadju bikri ħafna tal-każ kollu. Il-prosekuzzjoni kompliet tgħid li l-akkużat mhux ta’ min jafdah wara li tefa’ żewġ boroż, li fihom diversi pakketti b’sustanzi bojod u kannella suspettati li huma kokaina u eroina, moħbija fil-qalziet u tefagħhom ġo ġibjun tal-ilma fil-qrib.
Id-difiża kontroargumentat li hemm inkjesta maġisterjali miftuħa. “L-evidenza hija ppreservata” qal l-avukat Amadeus Cachia, li kompla jgħid li m’hemm l-ebda dubju dwar il-biża’ ta’ tbagħbis tal-evidenza. Il-Qorti ordnat ordni ta’ ffriżar fuq l-assi tal-akkużat u ċaħdet it-talba tad-difiża għal libertà proviżorja.
B’hekk l-akkużat inżamm taħt arrest preventiv sakemm tipproċedi kumpilazzjoni ta’ provi għal dan il-każ. Għall-akkużat deher l-Avukat Amadeus Cachia. Mexxew il-prosekuzzjoni l-Avukat Godwin Cini għall-Avukat Ġenerali, u l-Ispettur Kurt Farrugia għall-Kummissarju tal-Pulizija.
//= $special ?>