Lokali Parlament

L-ebda skola ġdida jew viżjoni fl-edukazzjoni


Charles Azzopardi, PN


Ix-Shadow Minister għad-Delizzji u t-Tagħlim ta’ Matul il-Ħajja, Charles Azzopardi, sostna li fil-budget il-gvern mhux biss mhu qed jippjana ebda skola ġdida, iżda lanqas wera viżjoni fl-edukazzjoni.

Fid-dibattitu parlamentari dwar il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Charles Azzopardi appella biex il-gvern ifassal pjan pilota fl-edukazzjoni u kompla li l-edukazzjoni m’għandhiex tkun esperiment. Hu sostna li l-ġenituri għadhom jagħmlu l-proġetti ta’ wliedhom fid-djar u hemm stress maħluq fuq l-istudenti minħabba s-sistema edukattiva.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern qed jilgħab bl-edukazzjoni tal-istudenti u sostna li l-kurrikulum ilu mill-2012 ma jiġi aġġornat.

L-għalliema jinsabu f’reġim u jibżgħu mid-Dipartiment, sostna Charles Azzopardi, li kompla li l-assessjar kontinwu hu importanti, iżda fir-realtà xorta l-istudenti jridu jgħaddu mill-eżamijiet tal-aħħar tas-sena għaliex l-assessjar kontinwu ma jikkumpensax.

Charles Azzopardi kompla li l-pajjiż jeħtieġ il-kwalità mhux il-kwantità u staqsa jekk it-tfal baqgħalhomx spazju għall-passatempi tagħhom. Il-gvern mhux qed jirnexxilu jżomm l-għalliema fl-iskejjel u qed ikollu jimpjega supply teachers biex ilaħħaq.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-gvern ma jemminx fl-edukaturi u ma jridhomx jitkellmu billi jagħmlilhom mażżra. Dan juri li l-għalliema mhumiex stmati.

Dan il-budget ma semma’ l-ebda skola ġdida u ma ta l-ebda viżjoni tant meħtieġa fl-edukazzjoni ogħla. M’hemm l-ebda riferenza għall-MCAST, l-università jew kif Malta ssir ċentru Mediterranju edukattiv.
Il-budget ma jsemmi xejn it-tqassim tal-laptops u t-tibdil tat-tablets, ma jitkellimx dwar it-timijiet ta’ psikoloġiċi fl-iskejjel u dwar il-programm GEM 16+ li jgħin lill-istudenti batuti li ma rnexxilhomx jilħqu fl-edukazzjoni. Il-gvern ma jsemmi xejn lanqas dwar is-CDAU u t-tisħiħ tas-social workers u l-psikologi, sostna Charles Azzopardi.