Lokali Parlament

Malta tinsab l-aħħar fir-riċerka fl-UE


Ryan Callus, PN


Ix-Shadow Minister għall-Enerġija, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Ryan Callus, qal fil-Parlament li Malta tinsab l-aħħar fir-riċerka fl-UE.

Fid-dibattitu parlamentari dwar l-edukazzjoni, Ryan Callus qal li kien hemm żieda ta’ €200,000 fl-investiment mal-European Space Agency, iżda dan mhuwiex biżżejjed. Hu kompla li r-riċerka fis-settur spazjali hi waħda mill-prijoritajiet ewlenin għaliex din tagħti opportunitajiet ta’ xogħol ġooda f’industrija ta’ kwalità.

Id-deputat Nazzjonalista semma’ Xjenza Malta u qal li b’mod ġenerali kien hemm żidiet f’numru ta’ budgets, iżda staqsa jekk dawn humiex biżżejjed. Ryan Callus kompla li hemm proġetti li mhumiex finanzjati għaliex iż-żidiet kienu minimi. Hu semma’ l-importanza ta’ injezzjoni fil-kuntest tat-tibdil fil-klima.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-ammonti ivvutati mhumiex biżżejjed għal Xjenza Malta u sostna li l-gvern għandu prijoritajiet żbaljati fl-investiment. Hu semma’ l-università u qal li l-gvern ma żiedx l-investiment f’dan is-settur. Dan ifisser li l-gvern qed juri sfiduċja fl-Università ta’ Malta meta din attirat €17-il miljun f’fondi għar-riċerka.

Id-deputat Nazzjonalista qal li Malta tinsab l-aħħar fl-UE fir-riċerka u appella biex il-gvern jinvetsi fil-mediċina, fl-iskart riċiklat fil-kostruzzjoni u r-riċerka fil-liġijiet.