It-Tlieta waranofsinhar reġgħu bdew il-proċeduri ta’ estradizzjoni kontra żagħżugħ imfittex fl-Istati Uniti biex jiffaċċja akkużi ta’ bejgħ ta’ ‘sofware’ illegali fuq id-dark web. Daniel Joe Meli ta’ 28 sena, qed jiġi mfittex mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti għall-allegati kummerċ illegali tiegħu fuq id-dark web bejn Diċembru 2012 u Ġunju 2022.
Huwa qed jikkontesta l-estradizzjoni tiegħu. Il-Maġistrat Leonard Caruana ippresieda s-smigħ mill-ġdid tal-proċeduri ta’ estradizzjoni wara li proċeduri preċedenti ġew iddikjarati nulli wara battalja legali li damet tkaxkar minn Frar ta’ din is-sena – meta deher għall-ewwel darba fil-Qorti dwar il-każ.
Ilu minn dakinhar f’kustodja preventiva. Wara li semgħet kawża ġdida għal-libertà proviżorja, il-Maġistrat Caruana ċaħad it-talba, u għalhekk Meli se jibqa’ arrestat. Il-każ kellu jibda mill-bidu nett wara li, aktar kmieni dan ix-xahar, Meli ngħata tama ġdida meta mħallef iddeċieda li seta’ jkollu seduta ġdida fil-Qorti grazzi għal leġiżlazzjoni mġedda fil-Parlament ix-xahar li għadda.
Meta tressaq il-Qorti għall-ewwel darba fi Frar ta’ din is-sena, huwa ta l-kunsens għall-estradizzjoni. Wara li tressaq il-Qorti, megħjun minn avukati ġodda, huwa appella u sostna li l-ewwel Qorti kellha tiżgura ruħha li huwa kien fi stat tal-moħħ biżżejjed sod meta ta l-kunsens għall-estradizzjoni.
Dak l-appell ġie miċħud u Meli mbagħad ressaq proċeduri kostituzzjonali. L-avukati tiegħu sejħu numru ta’ professjonisti mediċi li ddeskrivew lil Meli bħala “intelliġenti ħafna” iżda li jbati minn “ansjetà soċjali kbira” u “stima baxxa ħafna.” Il-problemi psikoloġiċi tiegħu aggravaw meta ġie djanjostikat bl-artrite.
L-Avukati sostnew li d-dritt tiegħu għal smigħ ġust inkiser minħabba li l-Qorti tal-Appell ma evalwatx provi ġodda li kienu jitfgħu dawl fuq l-istat mentali tiegħu meta ta l-kunsens għall-estradizzjoni. Meli tilef il-każ kostituzzjonali f’Lulju u nżamm arrestat sakemm jiġi estradit.
Iżda f’Awwissu l-gvern ħabbar li kien qed jabbozza leġiżlazzjoni li tippermettilu jikkontesta l-estradizzjoni tiegħu għal darb’oħra. Il-liġi waslet quddiem il-Parlament hekk kif il-Membri Parlamentari rritornaw mill-waqfa tas-sajf, u għaddiet mill-istadji kollha mingħajr oppożizzjoni, bl-Oppożizzjoni tappoġġa l-emenda.
Il-liġi introduċiet salvagwardji proċedurali li jippermettu lil persuna mfittxija “ħin adegwat” biex tirrifletti qabel ma tiddeċiedi jekk taċċettax li tiġi estradita biex tiffaċċja proċess f’pajjiż barrani. Ipprovdiet ukoll li kull persuna li qed tistenna l-estradizzjoni minn Malta fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ tal-liġi wara li tkun iddikjarat li kienet lesta li tiġi estradita, tista’ tippreżenta rikors quddiem il-Qorti tal-Appell Kriminali biex titlob impenn mill-ġdid lill-Qorti biex tiddikjara jekk kienx għadu lest li jiġi estradit.
L-avukati ta’ Meli immedjatament ressqu rikors f’dak li għandu x’jaqsam mal-liġi li għadha kif ġiet emendata, u l-Imħallef Camilleri nhar it-Tlieta annulla d-deċiżjoni preċedenti tal-Qorti dwar l-estradizzjoni u ordna smigħ mill-ġdid.
L-avukati Franco Debono u Arthur Azzopardi qed jirrappreżentaw lil Meli.
L-Ispettur Mario Cuschieri u l-avukati Sean Scerri de Carlo u Daphne Baldacchino mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qed imexxu l-prosekuzzjoni.