Lokali Parlament

Pajjiżna jixraqlu direzzjoni soċjo-ekonomika li tagħtina kwalità ta’ ħajja aħjar


Jerome Caruana Cilia, PN


Ix-Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża Jerome Caruana Cilia sostna fil-Parlament li pajjiżna jeħtieġ viżjoni ċara lejn kwalità ta’ ħajja aħjar, u li dan ma jiddependix biss fuq ċifri ekonomiċi iżda aspetti tanġibbli tal-ħajja ta’ kuljum, fosthom it-traffiku, id-dewmien fl-isptarijiet, il-problemi fis-settur tal-enerġija, id-drenaġġ fil-baħar u tant sitwazzjonijiet oħra li jħallu impatt anke fuq is-saħħa mentali tal-Maltin u l-Għawdxin.

Id-deputat Nazzjonalista Caruana Cilia esprima t-tħassib tiegħu li l-Budget 2025 jonqos milli joffri direzzjoni għall-pajjiżna, fatt dekritt bħala inkwetanti, kemm minħabba t-tħassib serju tal-familji Maltin u Għawdxin iżda wkoll fid-dawl taċ-ċirkostanzi ta’ madwarna, li mistennija jkollhom impatt qawwi fuq l-ekonomiji kollha, speċjalment dawk miftuħa bħalma hi ta’ pajjiżna.

Huwa spjega fid-dettall kif il-politika taċ-cheap labour adottata minn Gvern Laburista tul l-aħħar għaxar snin, wasslet biex minkejja ċ-ċifri jleqqu li kontinwament jiftaħar bihom l-istess Gvern, ir-realtà fost il-poplu hi ferm differenti. Għaxar snin ta’ tmexxija Laburista fissru mudell ekonomiku li ddependa fuq konsum sfrenat mingħajr valur miżjud bit-tkabbir tal-popolazzjoni bla ppjanar li wasslu biex inħallsu prezz qares, sostna d-deputat Nazzjonalista Caruana Cilia.

Fid-diskors tiegħu, id-deputat Nazzjonalista għamel analiżi dettaljata tal-problema tal-għoli tal-ħajja f’pajjiżna, fenomenu li laħaq rekords li qatt ma rajna bħalhom u hi konsistentement ogħla mill-medja Ewropea. Huwa kkwota rapport tal-Bank Ċentrali Malti li jesprimi t-tħassib tiegħu mhux biss għall-fatt li l-inflazzjoni kienet ogħla milli qatt rajna, iżda li dan seħħ għal perjodu ferm twil ta’ żmien. L-istess Bank, kompla jgħid Caruana Cilia, jinnota kif l-għoli tal-ħajja, b’mod partikolari ż-żidiet qawwija fil-prezzijiet tal-ikel, iħallu l-akbar impatt fuq persuni bi dħul baxx, b’mod partikolari l-pensjonanti.

“L-għoli tal-ħajja tkisser lill-anzjani, lill-pensjonanti tagħna, u llum għandna aktar minn 106,000 persuna, skont l-NSO, jgħixu fil-faqar jew f’riskju ta’ faqar”, spjega d-Deputat Nazzjonalista. Żied jgħid li minkejja l-impatt minn barra, bosta problemi li jikkaġunaw l-għoli tal-ħajja qed iġibhom il-Gvern stess. Huwa tkellem dwar proposti li ilu jagħmel il-Partit Nazzjonalista għal kontra l-għoli tal-ħajja, fosthom li ma tibqax tiġi intaxxata l-COLA, xi ħaġa li l-Gvern baqa’ jwebbes rasu kontriha.

Ix-Shadow Minister tkellem ukoll dwar il-produttività u l-investiment barrani. Aċċenna wkoll għal stħarriġ importanti li sar mill-kumpanija EY, li sab li filwaqt li sa ftit snin ilu, aktar minn 80% kienu jaraw li Malta hi attraenti bħala post li tinvesti fiha, illum huma biss kważi n-nofs li għadhom jgħidu hekk. Dan minħabba, skond l-istess investituri, problemi fl-ambjent politiku u regolatorju, ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna li sejra lura, problemi fl-infrastruttura u nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ persuni b’ċertu ħiliet.

Jerome Caruana Cilia fakkar kif il-pożizzjoni ta’ Malta fil-Corruption Perceptions Index, maħruġ minn Transparency International, tibqa’ b’51 punt minn 100, waħda mill-agħar fl-Ewropa kollha u l-agħar qatt reġistrata f’kemm ilu jsir dan l-istudju.

Dwar in-nuqqas ta’ ħiliet, id-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia qal li dan kien ir-riżultat ta’ Gvern li minflok jinvesti fl-iskills tal-Maltin u l-Għawdxin, ipprefera jdur għaċ-cheap labour barrani. “Dan, meta tgħaqqdu mal-problema l-oħra li tkellmu dwarhom l-investituri, jiġifieri l-problemi fl-infrastruttura li mhix tlaħħaq mad-domanda, qed iwassal għal tnaqqis fil-produttività ta’ pajjiżna”.

F’kuntrast għal dan kollu, Jerome Caruana Cilia qal li l-Partit Nazzjonalista qed joffri viżjoni alternattiva. “Irridu ekonomija b’saħħitha b’perpsettiva soċjali, li tiġġenera impjiegi ġodda u ta’ kwalità, b’importanza lit-taħriġ kontinwu, b’pagi aħjar u xogħol u karrieri li jagħtu sodisfazzjon”, kompla jgħid id-deputat Nazzjonalista.

Huwa sostna li issa hija ċara għal kulħadd li jeħtieġ il-bidla lejn mudell soċjo-ekonomiku sostenibbli.
“Għalhekk il-Partit Nazzjonalista qiegħed hawn. Qegħdin hawn għax noffru tama, noffru fiduċja li mhix ibbażata fuq kliem fieragħ iżda fuq pjan li qed nibnu bl-akbar djalogu possibbli, fejn diġà tkellimna fil-beraħ dwar għadd ta’ proposti li jistgħu jagħmlu differenza minn issa. It-tama u l-kuraġġ tagħna ġejjin mit-twemmin tagħna fil-ħiliet tal-poplu Malti u Għawdxi, li meta jiġu mismugħa u jkollhom direzzjoni jagħmlu suċċess għalihom u għal pajjiżna”, temm jgħid id-deputat Nazzjonalista.