Lokali

“Qatt ma ppruvajna nixkupaw taħt it-tapit” – Abela dwar l-iskandli tal-Labour

Il-Budget m’offra ebda soluzzjonijiet għall-problemi li qed jaffaċċja l-poplu; iżda fi kliem il-Prim Ministru ”dan kien Budget b’saħħtu”.

Il-kummenti ta’ Robert Abela waslu waqt intervsita fil-programm ‘Xtra’, wara li fil-Budget ma ppreżenta l-ebda pjan ekonomiku fit-tul u ebda direzzjoni għal pajjiżna. Bil-Gvern mhux biss baqa’ jintaxxa l-COLA, iżda żied piż ġdid fuq il-ħaddiema li jridu jħallsu sena ekstra ta’ Bolla – xi ħaġa li laqtet lil kulħadd.

“Kien budget b’saħħtu għaliex laqat lil kulħadd. Kien budget li ħa ħsieb lil kulħadd. Ma traskura lil ħadd.”

Waqt il-programm Xtra, bla dubju li kellha tqum il-kwistjoni tal-mara tal-Ministru Clayton Bartolo – bil-Prim Ministru jirreferi għal kejl b’rigi differenti.

“L-importanza għalija l-uniformità. Ma jistax ikollna żewġ rigi differenti.”

Iżda meta Justyne Caruana kienet instabet li kisret il-Kodiċi tal-Etika, Robert Abela kien sfurzaha li tirriżenja. U meta kien ħareġ l-iskandlu ta’ Rosianne Cutajar, din kienet twarrbet mill-Grupp Parlamentari Laburista.

Il-fatti juru li r-riga differenti intużat fil-każ ta’ Clayton Bartolo u Clint Camilleri, fejn Abela qed jibqa’ jiddefendihom.

“Qatt ma qgħadna siekta jew ippruvajna nixkupaw taħt it-tapit realtajiet li nqalgħu minn żmien għall-ieħor.”

U minkejja s-sitwazzjoni tal-biki li pajjiżna spiċċa fiha taħt Gvern Laburista, Robert Abela appella biex kull persuna tikkunsidra għandhiex terġa’ teleġġi lil dan il-Gvern sabiex ikompli jmexxina.

“Meta tasal il-ġurnata tal-ġudizzju, il-poplu fil-kwiet ta’ daru se jagħmel l-eżami tal-kuxjenza u se jsaqsi lilu nnifsu ‘jien fejn qiegħed illum?'”

U b’rabta mal-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna, Abela qies li din hi formola ta’ suċċessi tant li baqa’ jinsisti li mhux se jkun qed ibiddel id-direzzjoni. Dan minkejja li l-mudell ekonomiku hu wieħed ibbażat biss fuq in-numri minflok fuq il-kwalità.

“Hi formola li qed tagħtina suċċessi.”