Lokali

“Quddiemna għandna opportunità għal żvilupp sostenibbli f’Malta”

Illum saret il-konferenza nazzjonali Property Malta bit-tema ‘Nibnu l-Futur’ fejn matulha ġiet ippreżentata t-tmien edizzjoni tar-rapport dwar l-industrija tal-kostruzzjoni u s-suq tal-proprjetà.

Indirizza din il-konferenza fost oħrajn ix-Shadow Minister Stanley Zammit, fejn qal li “l-bidla mhix għażla iżda ħtieġa biex nassiguraw żvilupp sostenibbli u ta’ benefiċċju għall-komunità kollha”.

Zammit qal li s-settur tal-kostruzzjoni, li huwa pilastru ewlieni tal-ekonomija, irid jirrispondi għall-isfidi ekonomiċi, ambjentali, u soċjali billi jadotta approċċ ġdid. Dan jeħtieġ isir biex il-pajjiż jibqa’ kompetittiv u l-iżviluppi jkunu f’armonija mal-ambjent u l-bżonnijiet futuri.

Madanakollu, Zammit innota kif ħafna mill-politika u l-pjanijiet ta’ ppjanar fiżiku li qed jiggwidaw dan is-settur huma skaduti. Il-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp skada tmien snin ilu, filwaqt li l-pjanijiet lokali ilhom ġejjin minn era ta’ kważi 20 sena ilu. U għalhekk li reviżjoni komprensiva hija essenzjali.

Kompla jgħid li b’mod parallel, il-kwalità tal-ippjanar trid tiġi msaħħa. Studji bħall-carrying capacity huma kruċjali biex nifhmu kemm pajjiżna jiflaħ żvilupp u x’tip ta’ żvilupp huwa adatt. Dan jgħinna nimxu minn ippjanar reattiv għal ippjanar intenzjonat u sostenibbli.

U dan apparti l-ħtieġa fiż-żieda fl-istandards ta’ disinn u regolamentazzjoni fil-kostruzzjoni li huma passi li għandhom ikunu fuq nett tal-aġenda nazzjonali. Liċenzjar tal-kuntratturi, aġġornamenti fil-qafas tas-saħħa u s-sigurtà, kif ukoll il-kreazzjoni ta’ Building Codes u Construction Codes moderni huma essenzjali biex innaqqsu l-impatt negattiv u nippromwovu prattiċi sostenibbli.

Zammit qal li l-bidla meħtieġa mhux biss tirrikjedi regolamenti ġodda iżda wkoll strateġija koerenti u olistika għall-industrija tal-kostruzzjoni. Din għandha tkun iffukata fuq:

  • Effiċjenza u tnaqqis tal-iskart;
  • Inċentivi għal attivitajiet ekonomiċi ħodor;
  • Kollaborazzjoni msaħħa fost l-istakeholders;
  • Fokus qawwi fuq is-sostenibbiltà u l-benesseri tal-komunità.

Fakkar li l-iżvilupp għandu dejjem isir b’responsabbiltà, billi ninkoraġġixxu proġetti li jtejbu mhux biss l-ambjent iżda wkoll il-kwalità tal-ħajja għal dawk kollha li jgħixu u jaħdmu f’Malta.

Flimkien, nistgħu nadottaw u nimmaniġġjaw il-bidla b’mod li jsaħħaħ il-kompetittività tagħna u jħalli wirt pożittiv għall-ġenerazzjonijiet futuri.