Żagħżugħ ta’ 21 sena ġie mixli li hedded lis-sieħba tiegħu li tinsab fi stadju ta’ tqala li kien se joqtolha jekk hi ma ttemmx it-tqala. Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace semgħet lil Yusef Said ta’ 21 sena, ta’ oriġini Sirjana li joqgħod Wied il-Għajn, iwieġeb mhux ħati li kkaġuna lis-sieħba biża’ u li heddidha fil-15 ta’ Novembru u qabel din id-data.
Said talab il-ħelsien mill-arrest iżda l-Ispettur tal-Pulizija Antonello Magri, li kien qed imexxi l-prosekuzzjoni, oġġezzjona billi qal li l-akkużat baqa’ Malta aktar minn suppost minħabba li skadielu ż-żmien, m’għandux indirizz fiss u jista’ jbagħbas l-evidenza.
L-Avukat Jason Grima, li qed jirrappreżenta lil Said mal-avukat Kirsty Muscat, qal li l-klijent tiegħu kkopera mal-pulizija u mar għand il-pulizija minn rajh meta sar jaf li kien qed jiġi investigat. L-avukat qal li l-klijent tiegħu ried jibqa’ Malta speċjalment issa li kien qed jistenna tarbija u dan kien ifisser li kellu rabta qawwija li għandu mal-pajjiż u mhux se jaħrab.
L-avukat żied jgħid li persuni oħra akkużati b’reati simili ma tressqux taħt arrest iżda ġew imħarrka biex jitressqu l-Qorti b’ċitazzjoni. Il-maġistrat irrifjutat t-talba għall-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju.