Ekonomija Lokali

Tiżdied l-inflazzjoni: L-għoli tal-ħajja lura għal-livelli ta’ April

FʼOttubru, ir-rata annwali tal-għoli tal-ħajja kif imkejla mill-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) kienet taʼ 2.4 fil-mija; żieda mir-rata taʼ 2.1 fil-mija rreġistrata x-xahar taʼ qabel.

Dan kien ikkonfermat minn ċifri li ħareġ l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) illum.

FʼOttubru, l-akbar kontribuzzjoni għall-inflazzjoni annwali ġiet mill-Indiċi tal-Ikel u x-xorb mhux alkoħoliku (+0.69 punti perċentwali), l-aktar minħabba prezzijiet ogħla tal-ħaxix. It-tieni u t-tielet l-akbar kontribuzzjonijiet għall-inflazzjoni annwali kienu nnotati fl-Indiċi tar-Ristoranti u l-lukandi (+0.58 punti perċentwali) u fl-Indiċi tat-Trasport (+0.52 punti perċentwali), l-aktar minħabba prezzijiet ogħla tas-servizzi tar-ristoranti u s-servizzi tat-trasport bl-ajru, rispettivament.

Il-kontribuzzjoni negattiva għall-inflazzjoni annwali kienet irreġistrata fl-Indiċi tal-Komunikazzjoni (-0.18 punti perċentwali), l-aktar minħabba prezzijiet inqas għas-servizzi tal-mobile.

Dawn iċ-ċifri tal-għoli tal-ħajja juru li r-rata tal-inflazzjoni marret lura għal-livelli ta’ kif kienet f’April li għadda, meta r-rata tal-għoli tal-ħajja kienet 2.4 fil-mija.