Lokali

“Tradituri dawk li serquna u Abela huwa kompliċi jekk jiddefendihom”

Li “Robert Abela jibqa’ jaħrab ifisser li mhux jagħti kas li qallu l-Kummissarju.”

Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech waqt intervista li kellu fuq NET FM fil-programm ‘Kuntatt’ fejn kien intervistat minn Dione Borg.

Bernard Grech insista li issa qed jistenna li l-Kumitat Parlamentari tal-Istandards jieħu azzjoni b’rabta mal-iskandlu tal-Ministri Clayton Bartolo u Clint Camilleri. U ż-żewġ Ministri li jpoġġu fuq dan il-Kumitat għandhom jieħdu pożizzjoni ċara.

Bernard Grech wassal messaġġ b’saħħtu indirizzat lejn il-Prim Ministru biex jaġixxi.

Bernard Grech tkellem ukoll dwar il-protesta tat-Tnejn u irringrazzja lin-nies tal-preżenza qawwija tagħhom waqt li fisser kif dawk preżenti kellhom għajta waħda; sabiex il-Gvern ma jibqax jabbuża minn flus il-poplu.

Jidher biċ-ċar, kif fisser Bernard Grech, li għandna Prim Ministru u Gvern dahru mal-ħajt; jivvintaw il-gideb fuq il-Partit Nazzjonalista. Dan minflok jiffoka fuq l-iskandli li fnew lill-Gvern tiegħu.

B’differenza, wiegħed li Gvern ġdid Nazzjonalsita se jkun hemm għal kulħadd.