Raġel li kien akkużat fil-Qorti li kiser ordni ta’ trażżin billi bagħat sms lill-eks sieħba tiegħu, saħaq fil-Qorti l-Erbgħa, li kienet il-mara li bdiet il-konversazzjoni, u hu kien wieġeb lilha u qalilha li ma kienx interessat. Iċ-ċittadin Sirjan ta’ 23 sena ġie mixli li kiser l-ordni tal-Qorti, li uża ħażin tagħmir elettroniku u li kiser il-kundizzjonijiet tal-pleġġ relatati mal-istess każ.
Huwa kien ingħata l-libertà proviżorja wara li fit-30 ta’ Ottubru kien akkużat bi vjolenza kontra l-eks mara tiegħu, li bħalissa qed tgħix f’xelter. Huwa kien ċaħad dawk l-akkużi. Aktar kmieni din il-ġimgħa l-mara marret lura fit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika tal-Pulizija, fejn irrapportat li r-raġel kien qed jikkuntattjaha fuq WhatsApp, bi ksur tal-ordni ta’ trażżin li fuqha kienu jiddependu l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest tiegħu.
L-ispettur Christian Cachia qal lill-Qorti li kien għamel kuntatt mal-akkużat diversi drabi u ordnalu jmur l-għassa, iżda naqas milli jmur u ġie arrestat. Cachia qal lill-Qorti li l-akkużat urieh il-mowbajl biex jinsisti li kienet l-eks mara li kienet bdiet konverżazzjoni miegħu xi tlett ijiem qabel il-messaġġi li bagħatilha.
L-avukat difensur Nicholas Mifsud qal li mill-messaġġi esebiti jidher ċar li kienet il-mara li baqgħet tiffitta lill-akkużat u li meta wieġeb kien biex jgħidilha li ma kellu l-ebda interess li jkompli r-relazzjoni tagħhom u jitlobha tħallih bi kwietu.
Ir-reġistri tat-telefonati wrew li l-mara kienet użat numru differenti biex tipprova ċċempel lill-akkużat diversi drabi, anke waqt li kienet qed tirrapporta lill-Pulizija fit-18 ta’ Novembru. Ir-raġel ċaħad l-akkużi kollha miġjuba kontrih u talab il-ħelsien mill-arrest.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest, u qalet li l-allegata vittma kienet għad trid tixhed u li l-investigazzjoni tal-Pulizija indikat li bħalissa ma kellu l-ebda permess legali biex joqgħod fil-pajjiż. Id-difiża rrispondiet li l-Qorti għandha tqis li kien ċar li l-eks tiegħu kienet qed tibda komunikazzjoni miegħu.
“Bir-rispett kollu lejn il-mara, ma tistax tixgħel nar u mbagħad tilmenta bid-duħħan meta jkun konvenjenti,” qal Dr. Mifsud. Żied jgħid ukoll li l-mara saħansitra marret fid-dar ta’ ħu l-akkużat, fejn kien jgħix dak iż-żmien, bil-familja jkollha ċċempel lill-Pulizija biex ikeċċuha.
Fir-rigward tal-istatus tal-immigrazzjoni tiegħu, l-Avukat Mifsud qal li peress li r-raġel huwa ta’ nazzjonalità Sirjana, l-istatus tal-immigrazzjoni tiegħu jrid jiġi rivedut kull sena mill-awtoritajiet u ma jistax sempliċiment jintbagħat lura f’pajjiż mifni bil-gwerra.
Ir-raġel għażel li ma japplikax immedjatament biex iġedded l-istatus tiegħu minħabba l-kwistjonijiet legali li kien qed ikollu mal-allegata vittma, iżda minn dakinhar kien beda l-proċess biex l-istatus tiegħu jiġi rivedut u mġedded.
Il-Maġistrat Rachel Montebello qieset li r-raġel kien ġie mixli li kiser il-kundizzjonijiet preċedenti tal-libertà proviżorja, valutazzjoni tar-riskju kienet sabet li l-mara tinsab f’“periklu sever” u l-istatus tiegħu ta’ immigrazzjoni mhux ċar. Għalhekk il-libertà proviżorja ġiet miċħuda.
L-ispettur Christian Cachia mexxa l-prosekuzzjoni.