Internazzjonali

Għargħar fi Spanja: Iffriżata l-ħatra tas-Soċjalista Teresa Ribera fil-Kummissjoni tal-UE

Teresa Ribera, il-Ministru responsbbli mit-Tranżizzjoni Ekoloġika fil-Gvern Soċjalista Spanjol, qed tiddefendi ruħha kontra akkużi dwar ‘nuqqas ta’ responsabbiltà u aġir inaċċettabbli’ relatati mas-sitwazzjoni tal-għargħar devastanti fi Spanja.

Sadanittant, il-Parlament Ewropew iffriża l-ħatra ta’ Ribera għal pożizzjoni influwenti ħafna fil-Kummissjoni tal-UE – rwol li kellu jinkorpora r-responsabbiltà għall-ambjent u l-kompetizzjoni – bl-avversarji politiċi tagħha qed jakkużawha li abbandunat id-doveri tagħha fir-rigward tal-għargħar qattiel, a skapitu ta’ għexieren ta’ eluf ta’ Spanjoli.’

Ribera, esperta ewlenija dwar il-klima, hi fost l-aktar uċuħ prominenti fil-Gvern tal-Prim Ministru Soċjalista Pedro Sanchez – minbarra li hi meqjusa bħala t-tieni l-aktar politiku importanti fi Brussell wara l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen.

Madankollu, ir-rwol tagħha fil-kampanja ta’ għajnuna u sostenn lill-poplu wara l-akbar inċidenza ta’ għargħar fl-istorja moderna ta’ Spanja, qed ikun suġġett għal kritika qawwija fuq livell Ewropew. Dan waqt li l-Partit Popolari Spanjol (PPS) fl-Oppożizzjoni qed ikompli jakkuża lill-Gvern Soċjalista f’Madrid li abbanduna r-reġjun ta’ Valencia qabel intlaqat mill-għagħar – u għal gwadann politiku.

Il-poplu Spanjol għadu sal-lum irrabjat dwar kif il-Gvern Spanjol u awtoritajiet oħrajn f’Madrid ħadu ħsieb ‘ir-reazzjoni’ għad-diżastru naturali f’pajjiżhom. U r-rabja – flimkien mal-polarizzazzjoni politika – kompliet tirranka anki fuq livell Ewropew, bis-swaba qed jippuntaw aktar lejn Angela Ribera bħala waħda mill-akbar kollaboraturi tal-Prim Ministru Sanchez.

Intant, Ribera irreferiet għall-kuntestazzjoni tar-rwol tal-aġenziji tal-Istat waqt l-għargħar bħala ‘aġir perikoluż’ – u meta s-servizzi meteoroloġiċi u għall-ħarsien tal-ambjent fi Spanja jinsabu taħt skrutinju fir-rigward tal-għargħar storiku tad-29 ta’ Ottubru li rriżulta f’qerda kbira u ‘l fuq minn 230 vittma.

Ir-reġjuni fi Spanja huma responsabbli mill-immaniġġjar tas-sitwazzjonijiet ta’ diżastru skont is-sistema ta’ politika deċentralizzata fil-pajjiż. Intant, il-Mexxej konservattiv tar-reġjun ta’ Valencia, Carlos Mazon, qal li l-impatt tal-għargħar għar-reġjun tiegħu kien agħar għaliex hu kellu jirċievi l-informazzjoni ‘impreċiża u insuffiċjenti’ li anki waslitlu tard,.

Mazon anki akkuża lill-Gvern Soċjalista Spanjol – u lil Teresa Ribera indirettament – dwar ‘blackout’ ta’ informazzjoni. Dan ukoll waqt li hu kritika lill-aġenzija tal-Gvern Spanjol li r-responsabbiltajiet tiegħu jinkludu l-moniteraġġ tal-livelli tal-ilma tax-xmajjar fil-pajjiż.

Teresa Ribera, fl-istess ħin, qed tiċħad dan waqt li enfasizzat li l-entitajiet pubbliċi fi Spanja (qabel l-għargħar) kienu ħarġu diversi twissijiet lill-awtoritajiet reġjonali.

Iżda waqt li l-aġenzija tal-Istat responsabbli mit-temp kienet ħarġet livell għoli ta’ twissija fl-għodwa tad-29 ta’ Ottubru, il-maġġoranza tar-residenti fir-reġjun ta’ Valencia, f’ħafna każi, irċevew biss it-telefonati fil-qasir biex jinfurmawhom dwar is-sitwazzjoni. Dan waqt li l-belt ta’ Valencia u l-madwar kienu diġà qed jinfaqgħu mill-għargħar mix-xmajjar fid-diversi lokalitajiet.

Fl-istess ħin, il-poplu Spanjol qed jakkuża lill-Gvern Soċjalista dwar ‘qerq u tidwir mal-lewża’ wara li l-amministrazzjoni ta’ Sanchez ippruvat twaħħal f’Mazon għall-fatt li l-allert tal-emerġenza kien ħareġ wisq tard għall-poplu ta’ Valencia u ‘l hinn minnha.

Għaldaqstant, il-grupp parlamentari konservattiv tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) irrifjuta li japprova n-nomina ta’ Spanja – f’dan il-każ ta’ Ribera – għall-Kummissjoni sakemm hi tirrapporta ċ-ċirkustanzi fid-dettall lill-Parlament ta’ Spanja.