F’sentenza xokkanti mogħtija mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, żagħżugħ ġie kkundannat għal erba’ snin ħabs wara li nstab ħati li kellu x’jaqsam sesswalment ma’ oħtu ż-żgħira. Minħabba s-sensittività tal-każ fis-sentenza mogħtija mill-Qorti ma ġew żvelati ebda dettalji dwar l-età taż-żagħżugħ u l-post fejn seħħ ir-reat.
Ħareġ mix-xhieda li l-familja kellha problemi soċjali. Il-ġuvni nstab ħati li kellu x’jaqsam ma’ oħtu, li kienet taħt l-età, bejn Mejju u Settembru 2016. It-tifla qalet fil-Qorti li kellha bejn 11 u 12-il sena meta seħħ il-każ. Qalet li hi u ħuha għandhom l-istess missier.
It-tifla qalet li ta’ dik l-età tenera kienet tqajjem lil ħutha, tippreparahom għall-iskola u tirritorna d-dar tnaddaf. Sostniet ukoll li meta missierha kien ikun xogħol, omma ma kinitx tkun id-dar. It-tifla xehdet ukoll kif ħuha kien iġegħelha twettaq atti sesswali fuqu. Saħqet ukoll li mhux l-ewwel darba li ħuha kien isawwat lil ħuthom l-oħra.
Il-vittma sostniet li damet erba’ snin iżżomm ġo fiha qabel tkellmet ma’ carer. Fl-aħħar iddeċidiet li tiftaħ qalbha meta ħuha, it-tfajla tiegħu u binhom marru jgħixu post ieħor. Qalet li però kien baqa’ jibagħtilha
messaġġi fuq Messenger fejn kien jgħajjarha “qahba” u affarijiet ohra. It-tifla li spiċċat f’istitut kienet infurmat lis-social worker. Qalet li ma tkellmitx qabel għax kienet tibża’ minnu.
Omm it-tifla ukoll xehdet f’dawn il-proċeduri u qalet li kienet taħdem u bintha kienet tieħu ħsieb lil ħutha. Ommha qalet li hi kienet taħdem bħala fattiga fi skola bejn is-6.30am u t-3.30pm kuljum bejn it-Tnejn u l-Gimgha. Hi kkonfermat li bintha, kienet ukoll tieħu u ġġib lil ħutha mill-iskola kuljum.
Qalet ukoll li wara li t-tfal kienu jispiċċaw mill-iskola kienu jmorru r-razzett fejn ir-raġel tagħha, u meta hija kienet tispiċċa mix-xogħol kienet tmur hemm ukoll. Ikkonfermat ukoll li xi daqqiet iż-żagħżugħ kien kien jerfa’ jdejh fuqha anke quddiem missieru, kif ukoll kien jerfa’ jdejh fuq il-vittma.
Fis-sentenza tagħha l-Qorti ddeskriviet il-verżjoni tat-tifla bħala konsistenti u li ħuha flok ħa ħsiebha ttradixxa d-dover li kellu lejn oħtu. Mhux talli hekk, talli kkorrompiha bl-iktar mod ikrah u ma wera ebda dispjaċir għal dak li għamel.
Il-Qorti qalet li dawn l-atti saru fis-sajf tal-2016, u fil-konfront tal-istess minuri, u li tali atti ħallew impatt psikoloġiku fuqha. Hemm ukoll l-element ta’ biża’ mill-minuri versu ħuha tant li hija tgħid li dan kien ta’ spiss isawwat kemm lilha u anke lil ħutha ż-żgħar.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Kylie Borg.
Il-Maġistrat Stafrace Zammit ħarġet ukoll ordni ta’ trattament għal sentejn biex matulhom jingħata l-għajnuna. Hija ordnat ukoll li ismu jitniżżel fir-reġistru tal-persuni li jabbużaw mill-minorenni.
//= $special ?>