Lokali

Għada jitlaqqa’ l-Kumitat Parlamentari għall-Istandards – taħwida fuq min keċċa lil Amanda Muscat

Il-Prim Ministru Robert Abela qiegħed jaħsel idejh mill-iskandlu ‘Amanda Muscat’, bl-iskuża tkun li hu keċċiha tliet snin ilu. Xi ħaġa li tmur kontra x-xhieda li ngħatat quddiem il-Kummissarju tal-Istandards.

Kull darba li jkun mistoqsi dwar l-impjiegi ta’ kosulenza lill-mara tal-Ministru Clayton Bartolo, bl-għajnuna fost oħrajn tal-Ministru Clint Camilleri – kull darba li lil Robert Abela ssirlu d-domanda dwar il-fatt li Amanda Muscat kienet qed taqla’ paga ta’ €70,000 bħala konsulenta minkejja li xogħol ta’ konsulenza ma bdietx tagħmel imma baqgħet Assistenta Personali ta’ Bartolo, il-Prim Ministru qed jibqa’ jinsisti li hu keċċiha.

Madanakollu jekk Abela qed jgħid il-verità, is-Segretarju Permanenti tal-Ministerua ta’ Għawdex, Michael Buhagiar; u l-Ministru Clint Camilleri gidbu taħt ġurament.

Dan hekk kif meta kien qed jiġi mistoqsi mill-Kummissarju għall-Istandards x’wassal għat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ Amanda Muscat, huwa qal li dan wasal fit-tmiem tiegħu għaliex ix-xogħol li kien ingħatalha u l-istrateġija li ġiet imnedija kienu tlestew kollha.

Għalhekk, dejjem skont is-Segretarju Permanenti, ma kienx hemm bżonn is-servizzi tagħha aktar u għalhekk infurmaha li l-kuntratt kien se jiġi terminat. B’Michael Buhagiar jgħid li hu stess kien itterminah.

Din il-verżjoni hija simili ħafna tar-raġuni li ta proprju l-Ministru Clint Camilleri hekk kif saħaq li l-kuntratt ta’ Amanda Muscat ġie tterminat xi ftit xhur qabel għax kien hemm ammont ta’ proġetti li kienu ngħalqu. Dan ifisser li f’din it-taħwida statali bi flus il-poplu – il-Prim Ministru jew qed jigdeb, jew Clint Camilleri u Michael Buhagiar ma qalux il-verità taħt ġurament.

Intant, il-Ħamis, il-Kumitat Permanenti għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika mistenni jitlaqqa’ sabiex jiddiskuti u possibilment jiddeċiedi x’jiġri miż-żewġ Ministri.

Sħabhom fil-kumitat huma d-Deputati Laburisti Jonathan Attard u Andy Ellul – li għajnejn il-poplu jinsabu fuqhom sabiex jagħżlu bejn l-interess morali u ġust fil-konfront tal-interess ta’ Robert Abela.

F’dan il-Kumitat Parlamentari hemm dawn iż-żewġ membri tal-Gvern, tnejn tal-Oppożizzjoni, u l-Ispeaker. U allura, f’każ li l-membri tal-Gvern jiddeciedu li jimblukkaw l-addozzjoni tar-rapport.. allura l-vot ta’ Anglu Farrugia jkun deċiżiv.