Mark Anthony Sammut, PN
Ix-Shadow Minister għat-Trasport u l-Mobbiltà Mark Anthony Sammut qal fil-Parlament li l-bidla fil-mudell ekonomiku hi waħda mis-soluzzjonijiet ewlenin għat-traffiku.
Fid-dibattitu parlamentari dar il-Ministeru tat-Trasport, hu qal li f’dawn l-aħħar 11-il sena, il-Gvern Laburista iffoka l-aktar fuq infrastruttura tat-toroq u proġetti li, għalkemm itejbu ċerti aspetti, ma rnexxilhomx isolvu l-kwistjonijiet fundamentali ta’ konġestjoni u ineffiċjenza. L-aħħar ħdax-il sena raw żieda fil-popolazzjoni mmexxija minn mudell ekonomiku difettuż, iżda l-investiment f’sistema robusta ta’ trasport pubbliku baqa’ lura.
Il-konsegwenzi ta’ dan in-nuqqas ta’ ppjanar huma l-konġestjoni tat-traffiku, l-emissjonijiet miżjuda minn vetturi jikkontribwixxu għat-tniġġis tal-arja u l-implikazzjonijiet għas-saħħa mentali.
Fl-2016, kienet tnediet l-Istrateġija Nazzjonali għat-Trasport, li suppost tagħti l-viżjoni, id-direzzjoni, li fuqha jibnew il-Masterplans Nazzjonali għat-Trasport ta’ kull 10 snin. Hu qal li l-popolazzjoni ta’ Malta fl-2014 kienet ta 424,000. L-istima li jaslu għaliha issa hi li sal-2050, il-popolazzjoni ta’ Malta titla’ għal bejn 453,000 sal-iżjed 475,000.
Tafu meta qbiżnieha dik l-istima? Is-sena ta’ wara. Fl-2017, il-popolazzjoni ta’ Malta kienet diġa żdiedet għal 480,000! Illum, 2024, diġà tlajna għal 540,000, frott id-deċiżjonijiet u l-politika ta’ dan il-Gvern! L-istima ta’ dan il-Gvern meta kien qed jippjana t-trasport kienet li sal-2050 nitilgħu l-iżjed għal 475,000.
Ara veru każ tal-id il-leminija ma tafx xinhi tagħmel ix-xellugija. Tat-trasport qed jippjanaw li nkunu mhux aktar minn 475,000 sal-2050, u l-ekonomija u l-finanzi bil-mudell ekonomiku li ħadmu qabżuhom fl-2017, inqas minn sena wara li ħarġet din l-istrateġija.
Anzi kellna Ministru tal-Finanzi jgħidilna li bil-mudell ekonomiku li għandna, jekk ma jinbidilx irridu nkunu 800,000 sa ftit snin oħra. Ara mhux ta’ b’xejn Gvern bla direzzjoni, merħla bla ragħaj. Mhux ta’ b’xejn ser tqabbdu ditta barranija tiktbilkom viżjoni sal-2050.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-Gvern falla fl-isfida tal-immaniġġjar tat-toroq, u llum ninsabu agħar milli qatt konna, bil-problema tat-traffiku tikber ma’ kullimkien.
Mill-kaos li jkun hemm ta’ kuljum ħdejn ir-roundabout ta’ Ħal Qormi, traffiku li mar għall-agħar f’Tal-Barrani, traffiku ta’ kuljum u ta’ kull ħin f’ħafna partijiet ta’ Malta. Minkejja nefqa ta’ €700 miljun li l-Gvern kien qal li se twassal biex jonqsu l-emissjonijiet u jonqos il-ħin li nqattgħu fit-traffiku, 11-il sena wara spiċċajna agħar milli konna. Dan għaliex fi 11-il sena ftit li xejn sar biex tiġi indirizzata din il-problema u jonqos in-numru ta’ karozzi fit-toroq.
Ir-riżultat hu, li l-emissjonijiet żdiedu u Malta hi l-iżjed pajjiż fl-Unjoni Ewropea fejn żdiedu (9%) u waħda minn seba’ seba’ pajjiżi fejn żdiedu, għax f’20 pajjiż ieħor naqsu. Il-ħin fit-traffiku żdied. M’għandniex bżonn xi studju naħseb, in-nies jikkonfermawlek li l-ħin li jqattgħu fit-traffiku żdied. Dawk iż-żewġ wegħdi prinċipali marbuta mat-trasport, inkissru.
Ma sarx titjib biżżejjed fis-sistema tat-trasport pubbliku, li għalkemm hi b’xejn in-nies għadhom ma jistgħux iserrħu fuqha għax ikun hemm diversi okkażjonijiet fejn karozza tal-linja ma toħroġx, jew il-karozzi li jgħaddu jkunu mimlija.
Hu qal li minkejja l-ħafna wegħdi u stqarrijiet li l-Partit Laburista għandu kollox ippjanat, kulma rajna kienet nefqa ta’ miljuni fuq tinda li ntużat biss biex tħabbar pjan ta’ metrò, mentri fil-prattika ma sarx pass wieħed biex ikollna sistema ta’ trasport tal-massa veloċi u effiċjenti.
Sar xi forma ta’ studju, analizi jew rapport ieħor għal alternattivi differenti għal dak li propona l-istudju tal-ARUP dwar il-metro? Dak il-pjan kien ġej jiswa €6 biljun, li forsi huma wisq. Però hawn pjani oħra, uħud minnhom anke ġew ippubblikati fil-gazzetti lokali, waslu għal spiża inqas minn hekk. Anke l-istudji u l-pjani li kien ħareġ il-Partit Nazzjonalista għal alternattivi oħra, inkluż fl-aħħar elezzjoni, kienu ta’ spiża n-nofs ta’ dan.
Skont l-istima tal-istess strateġija tal-Gvern, il-konġestjoni llum tiswina ekonomikament madwar €600 miljun. Bl-istimi ta’ popolazzjoni li kien qed iħares lejhom id-dokument, u li lħaqna diġà, dan kien jistma li fl-2050 din il-konġestjoni kienet se tiswina mal-€1 biljun u €300 miljun fis-sena.
Meta nikkalkulaw il-pajjiż għandux jonfoq €2 biljun, jew €4 biljun, fuq sistema ta’ trasport tal-massa effiċjenti, nikkunsidraw ukoll l-ispiża li qed tiswina meta ma nagħmlu xejn.
Jekk irridu n-nies jużaw ir-roti, il-muturi u l-mixi, ma nistgħux nibqgħu pajjiż li jittraskura bl-aktar mod lampanti s-sigurtà fit-toroq. Dan il-pajjiż suppost għandu guidelines li ilhom fis-seħħ mill-2010 – 14-il sena – li jispeċifikaw kif għandu jsir ix-xogħol u x’miżuri għandhom jittieħdu, speċjalment meta jkun hemm tħaffir ta’ trinek fondi li jista’ jweġġa xi ħadd fihom. Marbut ma’ din in-nuqqas ta’ sigurta fit-toroq ġejja wkoll minn ksur flagranti ta’ liġijiet u nuqqas ta’ infurzar.
Suppost skont l-istrateġija nazzjonali għat-trasport, kienet mira li sal-2030 il-fatalitajiet fit-toroq tagħna jinżlu b’50% mil-livelli tal-2014.
Fl-2014 seħħew 10 fatalitajiet; 18 fl-2013; fl-2015 seħħew 11 u fl-2023, kważi nofs triq minn meta ħarġet l-istrateġija lejn l-2030, seħħew 16; waqt li s-sena ta’ qabel, fl-2022, seħħew 28. Il-fatalitajiet fit-toroq tagħna jiżdiedu qegħdin, mhux jonqsu. Ħafna ‘l bogħod minn dik il-mira.
Mark Anthony Sammut qal li meta nitkellmu fuq is-sigurtà, ma nistgħux ma niftakrux fil-mijiet jekk mhux eluf ta’ liċenzji ta’ sewqan li nħarġu lil nies li fi kliem iċ-chats tal-customer care tal-Prim Ministru stess, kienu ta’ periklu. Mhux problema tiegħu biss, imma problema ta’ kull min juża t-triq li llum jinsab f’aktar periklu. Fejn jidħlu l-eżamijiet tas-sewqan ta’ Transport Malta għandha ssir ftit analiżi. Ma nifhimx kif għall-istess eżami, eżaminatur iweħħel medja ta’ 87%, u eżaminatur ieħor iweħħel medja ta’ 16%. Din ma tagħmilx sens, u tindika li xi ħaġa ħażina qed tiġri.
L-Awtorità, support awtonoma u suppost regolatorja, qiegħda ‘l bogħod ħafna, ħafna milli verament tagħmel xogħolha. Anzi dawk li vera jkunu jridu jagħmlu xogħolhom sew u b’mod korrett, jispiċċaw imwarrba, jew jispiċċaw jitilqu, għax ma jkunux jifilħu aktar għal ċertu ndħil u tgħawwiġ.
Hu semma’ żewġ postijiet fejn bħalissa hemm ksur flagranti tal-liġijiet u fejn Transport Malta hija ineżistenti. L-ewwel wieħed, fil-Gudja. Ifaqqas uffiċċju tal-car hire, jikri l-karozzi. Ifaqqas f’nofs zona residenzjali, u mingħajr ma għandu garaxx. Issa suppost, karozzi tal-kiri, meta ma jkunux mikrija, għandhom ikunu f’garaxx mhux fit-triq.
Kif tista’ tiftaħ uffiċċju biex tikri l-karozzi, u fejn jirritornawlek il-karozzi, mingħajr ma għandek garaxx? Xi jsir minnha l-karozza li tiġi lura, u fejn tkun il-karozza li qed tistenna l-kirja? Barra fit-triq, fl-ispazji pubbliċi.
Għal xiex teżisti l-Awtorita? Biex nagħtu l-promotions li jgħidilna l-ministru? Biex indaħħlu u nagħtu job lin-nies li jgħidilna l-ministru? Għalhekk biss teżisti? Kieku tagħmel hekk, u tagħmel xogħolha, tgħid forsi ħa, almenu taħdem. Imma ma taħdimx.
Fl-Istrand, mill-Gżira sa Tas-Sliema, hemm scooters u karozzi tal-kiri, ipparkjati f’public spaces u fuq double yellow lines iżda ma jsir xejn .Din hi l-istess Awtorità regolatorja, li r-rapport tal-Kummissarju tal-Istandards dwar in-nefqa fuq it-tinda tal-Metro, jikkonferma li kisret il-liġi.
Hu qal li anke proġett ta’ €35 miljun għal cycle network madwar il-port, li kellu jkun l-ewwel pass biex ikollna infrastruttura għal min juża r-rota, jidher li ngħata l-ġenb. Kellu jkun lest din is-sena, imma ma jissemma mkien u m’għandniex lanqas indikazzjoni meta se jkun lest.
Waħda mill-inizjattivi li qed tissemma’ ħafna hija l-Intelligent Transport Systems in Traffic Management. F’Ottubru 2014, dan il-Gvern kien ħareġ tender CT3180/2104, għal Supply, Delivery, Installation, Commissioning and Maintenance of an Adaptive Traffic Light Solution. Dak iż-żmien kienu ħarġu wkoll tenders oħrajn, fosthom tal-Variable Messaging Signs, u tal-CCTV cameras operati, li kienu saru u llum narawhom fit-toroq tagħna.
Dan il-kuntratt kellu jipprovdi sistema ta’ traffic lights ġodda, inkluż detectors li jkejlu kemm hemm flow ta’ karozzi f’kull junction, kollox kellu jkun integrat mal-platform ta’ Transport Malta, u dan ix-xogħol kellu jinkludi ħames junctions prinċipali dakinhar, li kienu Triq Sant’Andrija, San Ġiljan, u l-junctions tad-dħul ta’ Pembroke, il-junctions tal-Imrieħel, tal-Blata l-Bajda u l-Marsa u Tal-Barrani, inkluż id-dħul għaż-Żejtun, għal Bulebel, għall-Gudja u għal Ħal Tarxien.
Dak it-tender kien ġie aġġudikat. Kien hemm appelli, li llum qed nifhem li kienu ġustifikati, u l-flus kienu ħarġu. Il-pajjiż, għandu dak li kien mitlub fit-tender? F’dawn il-junctions, f’dawn l-10 snin, kellna sistema ta’ lights intelliġenti? Le! Lanqas biss għandna sistema mqabbda mal-pjattoforma ta’ Transport Malta biex tkun tista’ tiġi kontrollata minn hemm, kif kien mitlub f’dak it-tender. Anki fuq din, qegħdin 10 snin tard, minn xi ħaġa li ħriġna l-flus biex suppost saret 10 snin ilu u ma saritx.
Forsi kieku saret, ma kienx ikun hemm bżonn l-interventi li saru f’Tal Barrani. Forsi kieku saret, ma kienx ikollu għalfejn jingħalaq l-aċċess għall-Gudja u għal Ħal Tarxien, kif sar.
Mark Anthony Sammut qal li s-settur tal-y-plates spiċċa mifni fi problemi u f’ċertu każi l-kawża ta’ problemi meta jista’ jkun parti mis-soluzzjoni.
Sal-aħħar tal-2019, kien hawn 2,421 LY-plate. Fl-2020 daħlet ir-riforma tal-Public Service Garage – liema riforma kellha affarijiet tajbin, però tneħħew ħafna mir-rekwiżiti li wieħed kellu bżonn meta jiġi biex japplika għal permess ġdid, jew iġedded permess eżistenti.
Fosthom, l-Awtorità bdiet toqgħod biss fuq dikjarazzjoni tal-applikant li jgħidilha fejn ħa jżomm il-karozzi u kemm għandu spazju. In-nuqqas ta’ ppjanar wassal biex in-nies bdew japplikaw għal-liċenzja ta’ Y-plate fuq garaxxi ma jeżistux, fuq parking spaces f’garaxxi privati u parkeġġi ta’ uffiċċji parrokkjali. Ovvjament dan-nuqqas ta’ kontroll wassal għal splużjoni ta’ liċenzji ġodda wara l-2020. Minn 2,421 sal-aħħar tal-2019, tlajna għal 5,100.
Il-Prim Ministru qali li dan is-suq saturat iżda li ma qalilniex, li ġie saturat u ġie f’din is-sitwazzjoni kemm ilu Prim Ministru hu. Dan is-settur tħalla għal riħu u kulħadd jagħmel li jrid, li sar il-lok ta’ ħafna abbużi.
Dan sar settur fejn jiġu sfruttati bl-addoċċ ħaddiema barranin, fejn l-evażjoni tat-taxxa hi enormi u sar mod faċli fejn jinħaslu l-flus.
Hu qal li dan is-settur irid jiġi indirizzat bis-serjetà billi titneħħa l-inċertezza minn fuq l-operaturi ż-żgħar, jiddaħħlu miżuri, standards u regoli li jwasslu biex dan is-suq tar-ride hailing, jopera b’mod nadif u sostenibbli waqt li l-pjattaformi li jipprovdu dan is-servizz, ikunu obbligati jixxerjaw id-data real-time tagħhom mal-awtoritajiet regolatorji, mal-Pulizija u ma’ Transport Malta.
Din twassal biex jinqatgħu ħafna mill-abbużi. Daqshekk ikun hemm xufiera li jaħdmu xi 16-il siegħa, tmien sigħat fuq pjattaforma, imbagħad xħin jaqbżu l-ħin jibdew fuq pjattaforma oħra.
Waħda mill-affarijiet li nbidlu f’dan il-budget, kienet li l-grant għal karozzi elettriċi tinżel minn €11,000 għal €8,000. Issa l-Gvern kellu mira li sal-2030 ikollna xi 60,000 karozza elettrika mill-flotta ta’ karozzi li għandna. Illum għadna qas ilħaqna l-20,000. Il-loġika kienet tgħid li l-grant għandha tiżdied mhux tonqos.
Ma jagħmilx sens l-argument li dan jissussidja karozzi lussużi. Dan ammont li hu capped. Min jixtri karozza ta’ €30,000 xorta €11,000 kien qed jieħu, u joħroġ l-€20,000 hu. Imma min issa jista’ jixtri karozza elettrika li issa saret tiswa biss €20,000, għax bil-grant tiġih biss €9,000, issa ħa tiġih €12,000. Din hi deċiżjoni li ma tagħmilx sens u ma tgħinx biex nilħqu l-mira li għandna.
Hu qal li hemm ħafna x’jista’ jsir ukoll in the short-term u mingħajr il-bżonn ta’ ħafna effort biex intaffu ftit mill-problemi li hawn. Jeħtieġ aktar koordinament fit-twettiq tal-proġetti bejn entitajiet differenti, ikun hemm koordinament fl-informazzjoni u fl-avviż li se jkun hemm toroq maqlugħin, isir carpooling u jsiru inizjattivi u inċentivi għar-remote working.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-bidla li hawn bżonn fit-tul, u li tibqa’ l-ikbar differenza bejn iż-żewġ partiti, hija li nbiddlu l-mudell ekonomiku li dan il-Gvern huwa marbut miegħu biex niddependu inqas fuq l-influss tal-barranin u tkabbir tal-popolazzjoni, il-problema se tibqa’ tikber.
F’pajjiżna llum joħorġu medja ta’ 33 liċenzja tas-sewqan ġdida. F’pajjiżna llum jiżdiedu mas-60 karozza ġdida fit-triq. Jiżdiedu 80, jiġu scrapped 20. Huma nofs il-karozzi li jinħarġu, li jinħarġu għal sewwieqa ġodda li għadhom iġibu l-liċenzja. In-nofs l-ieħor, jinħarġu għal ħaddieħor.
Għalhekk essenzjali li jkun hemm partit li kapaċi jbiddel dan il-mudell. Min ħoloq il-problema, ma jistax ikun is-soluzzjoni.
Hu sostna li l-unika partit li għandu l-kredenzjali li vera jbiddel dan il-mudell, kif għamel fil-passat biex immodernizza l-ekonomija u kif fil-passat dawwar ekonomija li kienet labour-intensive għal waħda li tesporta ħafna servizzi, huwa l-Partit Nazzjonalista. Dik hi l-alternattiva li qed nagħtu lin-nies, u l-għażla li ħa jkollhom quddiemhom fl-elezzjoni ġenerali li jmiss, sostna Mark Anthony Sammut.
//= $special ?>