Iċ-Child Development Assessment Unit (CDAU), taqsima importanti għall-iżvilupp tat-tfal f’pajjiżna, qed topera minn binja antika u mitluqa f’dak li kien l-Isptar San Luqa.
Minkejja li hemm ’il fuq minn 4,000 tifel u tifla li jirrikorru għas-servizzi differenti li toffri din it-taqsima, il-klinika ma toffrix l-ambjent li huwa xieraq għal dawn it-tfal vulnerabbli, u għaldaqstant huwa meħtieġ investiment kemm fil-binja li minnha jiġu pprovduti dawn is-servizzi, kif ukoll fil-professjonisti li jagħtu d-diversi terapiji li jinħtieġu dawn it-tfal.
Dan l-appell sar waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista li saret dalgħodu quddiem is-CDAU, proprju fil-Jum Dinji tat-Tfal 2024, u li kienet indirizzata mix-Shadow Minister għall-Ugwaljanza, il-Libertajiet Ċivili u d-Drittijiet tat-Tfal Graziella Attard Previ; ix-Shadow Minister għas-Saħħa Adrian Delia; u x-Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, il-Pensjonijiet u l-Ġlieda Kontra l-Faqar Ivan Bartolo.
Fl-okkażjoni ta’ dan il-Jum, il-Partit Nazzjonalista jsellem u jifraħ lit-tfal kollha f’pajjiżna kif ukoll isellem u jirringrazzja lil dawk kollha li jieħdu ħsieb lit-tfal tagħna. It-tfal tagħna huma l-futur tagħna u l-għożża lejn it-tfal tfisser għożża lejn pajjiżna. Il-PN jibqa’ dejjem impenjat li jinvesti fit-tfal tagħna għax jemmen li l-investiment fit-tfal huwa dritt tagħhom. U hekk kif it-tema taċ-ċelebrazzjoni dinjija għal din is-sena ddur mad-drittijiet tat-tfal, il-PN jassigura li dawn id-drittijiet jingħataw prijorità.
Fl-isfond tad-dritt tat-tfal li jkollhom l-aħjar ambjent u l-aqwa kura li permezz taghhom jkunu jistghu jiżviluppaw u jilħqu l-potenzjal massimu tagħhom,il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista saħqu fuq il-ħtieġa li l-binja tas-CDAU tingħata attenzjoni immedjata mill-Gvern.
Graziella Attard Previ spjegat kif f’dan il-post imorru biex jiġu assessjati l-aktar tfal li għandhom bżonn għajnuna fl-età tenera tal-ewwel ħames snin ta’ ħajjithom – tfal li jkollhom diffikultajiet ta’ tagħlim u/jew żvilupp. Dan l-assessjar ikun kruċjali biex jiddetermina pjan għall-aħjar żvilupp tagħhom u għalhekk dawn it-tfal jixirqilhom li jsibu l-aħjar ambjent possibbli, mhux binja mitluqa, b’lift ma jaħdimx, u ambjent ikrah. Hi saħqet li l-Gvern ma għandux jipprova jraqqa’ l-pannu bil-qargħa aħmar u l-binja attwali tas-CDAU trid tinbidel – m’hemmx lok għal soluzzjonijiet temporanji.
Minbarra f’dan, illum hemm stennija twila biex it-tfal jarahom psikologu u jinħarġilhom ir-rapport neċessarju biex jingħataw l-għajnuna li jkunu jinħtieġu fil-klassi. Hemm ukoll diffikultajiet fil-proviżjoni ta’ sensiela ta’ sessjonijiet ta’ terapija, minn speech language pathologists għal OTs u physiotherapists, bl-appuntamenti ma jkunux frekwenti biżżejjed u kultant saħansitra anke jiġu kanċellati. Dan kollu a skapitu tal-iżvilupp tat-tfal, u tal-ġenituri li ħafna drabi jkollhom jeħduhom għat-terapija fil-privat. Quddiem dan kollu l-Gvern qed jibqa’ ċass.
Ix-Shadow Minister Graziella Attard Previ kkritikat ukoll lill-Gvern għall-kriterji ġodda li nħolqu fi ħdan is-CDAU biex suppost jitnaqqsu l-waiting lists, u appellat biex jiġi indirizzat in-nuqqas kbir ta’ psikologi f’dan il-qasam.
Min-naħa tiegħu x-Shadow Minister Adrian Delia qal li t-tfal huma l-egħżeż ħaġa li għandna, u soċjetà li ma tiħux ħsieb iż-żgħar tagħha hija soċjetà li tkun baqgħet lura. Hu spjega kif hemm studji li juru li l-ewwel erba’ snin tal-ħajja tat-tfal huma fundamentali għall-iżvilupp mentali tagħhom, għax dan ikun żmien formattiv li jirrifletti fuq il-kumplament ta’ ħajjithom. Il-wens tad-dar u l-imħabba fil-familja huma l-ingredjenti li jwasslu għal żvilupp san u sħiħ għal tfal f’din l-età tenera u fejn dawn huma neqsin, is-soċjetà għandha dmir li tipprovdi hi l-alternattivi.
Huwa fatt li ambjent li jilqgħek, binjiet akkoljenti u mkejjen addattati huma fundamentali biex joħolqu l-aqwa atmosfera li tilqa’ li tfal u twennishom. Minkejja dak kollu li jintqal, ir-realtà hi li f’dan il-qasam għadna lura ħafna għax mhux qed isir l-investiment meħtieġ biex nipprovdu għal dawk li mhumiex kapaċi jipprovdu għalihom infushom.
Ix-Shadow Minister Ivan Bartolo tkellem dwar il-faqar fost it-tfal, u qal li minkejja li fl-aħħar snin l-ekonomija kibret, kien hemm żieda f’dik li hija magħrufa bħala s-Social Gap. Dan id-distakk soċjali qed iwassal għal żieda fin-numru ta’ familji li jiddependu fuq foodbanks u soup kitchens, kif qed jiżdiedu wkoll il-persuni bla saqaf fuq rashom, minħabba diversi raġunijiet bħal vjolenza domestika, problemi finanzjarji u ta’ saħħa mentali. Is-sitwazzjoni tiggrava aktar għal dawk li jgħixu fuq il-benefiċċji soċjali u fil-kirjiet. F’dawn il-każi jbatu t-tfal li jsiru nomadi jiġru minn post għall-ieħor.
Filwaqt li hemm lista twila ta’ nies li qed jistennew għajnuna tal-housing soċjali, illum għandna wkoll tfal li qed ikollhom imorru jgħixu fil-garaxxijiet minħabba li l-ġenituri tagħhom ma jistgħux ilaħħqu mal-kera għolja. Is-soluzzjoni għal dan hija li tingħata prijorità l-edukazzjoni biex jinqered iċ-ċiklu tal-faqar fi ħdan familji li waqgħu lura fil-ħajja u jkun żgurat li dawn in-nies ma jiġux abbużati minn min jipprova jieħu vantaġġ minnhom. L-eradikazzjoni tal-faqar hija responsabbiltà tal-politiċi, temm jgħid Ivan Bartolo, u jekk mhux se jittieħdu deċiżjonijiet immedjati, fil-futur qrib se naraw il-faqar ikompli jiżdied.
//= $special ?>