Lokali Qorti

Jaqgħu l-akkużi fuq ksur ta’ ordni ta’ protezzjoni u użu ħażin ta’ tagħmir elettroniku

Raġel akkużat li avviċina lill-eks sieħba tiegħu bi ksur ta’ ordni ta’ trażżin spiċċa bħala raġel ħieles wara li l-eks sieħba tiegħu u binha qalu lill-maġistrat li kienu ħafrulu. Il-maġistrat waqqgħet l-akkużi kontra r-raġel ta’ 26 sena minn Ħal Qormi, u bidlet deċiżjoni ta’ qorti oħra, li fil-bidu rrifjutat li twaqqa’ l-akkużi fuq talba tal-mara.

L-akkużat tressaq għall-ewwel darba l-ġimgħa li għaddiet akkużat li kiser ordni ta’ protezzjoni mogħtija favur l-eks sieħba tiegħu u binha, li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja u li għamel użu ħażin ta’ tagħmir elettroniku.

Meta tressaq ir-raġel, l-allegata vittma, permezz tal-avukat tagħha Mark Mifsud Cutjar, infurmat lill-Qorti li kienet ħafret lir-raġel għal dak li għadda bejniethom u riedet twaqqa’ l-akkużi. Madankollu, il-qorti ċaħdet it-talba u ordnat li l-proċeduri kontra r-raġel ikomplu, billi rraġunat li l-akkuża ta’ ksur ta’ ordni ta’ protezzjoni mhux bilfors tikkwalifika bħala akkuża ta’ vjolenza domestika, li tippermetti li jitwarrbu l-akkużi skont ix-xewqat tal-vittma.

Ġiet miċħuda wkoll talba għall-ħelsien mill-arrest mill-ewwel qorti. Kif inhi l-proċedura, il-każ imbagħad jintbagħat lil maġistrat differenti, li jkun inkarigat li jiddeċiedi l-eżitu tiegħu. Meta reġa’ beda l-każ l-Erbgħa, il-mara u binha reġgħu dehru l-Qorti u saħqu li t-tnejn riedu jwaaqqgħu l-akkużi fil-konfront tal-akkużat u saħqu li kienu ħafrulu.

It-tnejn li huma telgħu fuq il-pedana tax-xhieda u kkonfermaw dan taħt ġurament u ġew mistoqsija bir-reqqa mill-qorti dwar l-intenzjonijiet tagħhom. F’din l-okkażjoni, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Nadia Vella laqgħet it-talba tagħhom u ordnat li jitwarrbu l-akkużi u l-akkużat jinħeles mill-arrest minnufih.

L-ispettur tal-Pulizija Christian Cauchi mexxa l-prosekuzzjoni Għall-akkużat dehru l-avukati Franco Debono u Marion Camilleri. L-Avukat Mark Mifsud Cutajar deher parte civile.