Lokali

L-MIA jilqa’ 200 membru ġdid

L-Istitut tal-Accountants ta’ Malta (MIA) laqa’ 200 membru ġdid li għadhom kif temmew il-kwalifiki tagħhom mal-ACCA u l-Università ta’ Malta matul l-aħħar sena akkademika. Dan is-suċċess ġie ċċelebrat waqt ċerimonja li pprovdiet sfond xieraq biex jiġu onorati l-kisbiet ta’ dawn l-aħħar gradwati fil-professjoni tal-accountancy.

Filwaqt li laqgħet lill-membri ġodda, is-CEO tal-MIA, Maria Cauchi Delia, qalet li l-Istitut joffri leħen għall-professjoni, fejn il-kontributi, il-perspettivi u l-esperjenzi tal-professjonisti tal-awditjar u l-accountancy jgħinu jfasslu l-politika u jġibu bidliet sinifikanti, anke fuq livell nazzjonali.

Il-President tal-MIA, Mark Bugeja, appella lill-membri ġodda biex iħarsu b’fiduċja fl-organizzazzjonijiet billi jimxu mal-prinċipji tat-trasparenza, l-eżattezza u r-responsabbiltà fir-rapporti finanzjarji.

Minbarra t-tqassim tradizzjonali taċ-ċertifikati lill-membri, l-Istitut ukoll irrikonoxxa l-kisbiet tal-aqwa gradwat tal-Università ta’ Malta u l-affiljati tal-ACCA fil-preżenza tal-Prof. Emanuel Said, id-Dekan tal-Fakultà tal-Ekonomija, il-Managements u l-Accountancy fl-Università ta’ Malta; u Caitriona Allis, il-Kap tal-ACCA għar-Reġjun tal-Ewropa.

L-aqwa studenti ta’ din is-sena kienu Leon Fenech; Kleaven Cassar; Kurt Pace Debono u Francesca Sant.

Bħala tradizzjoni ta’ dawn l-aħħar snin, iċ-Ċerimonja tal-Membri Ġodda kienet ukoll l-okkażjoni biex jiġu ċċelebrati r-rebbieħa tal-Premju Kevin Mahoney għall-ħidma volontarja eċċezzjonali u s-sens ta’ altruwiżmu. Ir-rebbieħ ta’ din is-sena, Fabian Cardona, kien nominat mill-kollegi tiegħu għall-empatija, ir-reżiljenza u d-dedikazzjoni bla waqfien tiegħu.