Internazzjonali

L-Ukrajna: Sparati missili ‘tar-Renju Unit’ lejn l-artijiet tar-Russja

L-Ukrajna għadha kemm sparat il-missili tat-tip Storm Shadow lejn il-miri militari fl-artijiet tar-Russja. Il-missili kienu provduti lill-Ukreni mir-Renju Unit iżda l-Gvern Britanniku baqa’ ma kkonfermax is-sors b’mod uffiċjali.

Intant, l-azzjoni – l-ewwel ta’ dan it-tip – mistennija teskala l-konflitt fl-Ukrajna. U waqt li l-Gvern Britanniku mhux jikkummenta dwar ir-rapporti, il-Ministeru tad-Difiża f’Londra sostna li ‘jitkellmu waħedhom l-azzjonijiet tal-Ukreni fuq il-kamp tal-battalja’.

L-isparar tal-missili Storm Shadow – li kapaċi jevadu l-aktar sistemi sofistikati ta’ difiża kontra l-attakki mill-ajru – seħħ wara l-konferma li l-missili ATACMS (Army Tactical Missile System) provduti lill-Ukreni mill-Istati Unti, kienu laqtu numru ta’ siti u depots militari fir-Russja.

Intant, l-Ukrajna, sigħat ilu, qalet li r-Russja qed twettaq ‘attakk psikoloġiku’ fuq il-poplu Ukren biċ-ċirkulazzjoni ta’ messaġġi li l-qawwiet ta’ Vladimir Putin qed iħejju offensiva kbira oħra fuq l-artijiet tiegħu. Kien hemm theddid li l-Ambaxxati tal-pajjiżi tal-Punent fi Kiev ukoll kienu se jispiċċaw fil-mira, bl-Istati Uniti, Spanja u l-Greċja jagħlqu momentarjament il-kumplessi diplomatiċi fil-kapitali Ukrena.

Żvilupp ieħor sinifikanti fil-gwerra tal-Ukrajna hi d-deċiżjoni tal-President Amerikan attwali, Joe Biden, biex jipprovdi lill-qawwiet Ukreni bl-anti-personnel mines – splussivi li jistgħu anki jkunu perikolużi għall-poplu ċivili – u bħala pass intiż biex jostakola l-avvanzi tat-truppi Russi fir-reġjuni tal-Ukrajna.