Stanley Zammit, PN
Ix-Shadow Minister għall-Ippjanar u l-Artijiet Stanley Zammit qal fil-Parlament li l-Gvern Laburista qed jonqos milli jindirizza diversi kwistjonijiet kritiċi f’dan il-qasam.
Dawn jinkludu n-nuqqas ta’ trasparenza, l-effettività tal-proċessi amministrattivi u l-isfidi fil-ġestjoni tal-art pubblika, kawża ta’ nuqqas ta’ riforma.
Wara li l-Prim Ministru għamel xi tibdil dan l-aħħar, il-Partit Nazzjonalista qed jikkritika l-mod kif il-Gvern Laburista diġà falla fl-amministrazzjoni tal-artijiet. Il-Partit jiddikjara li l-Gvern għandu jagħti prijorità għall-investiment u r-riforma ta’ din l-awtorità, li għandha bżonn riforma sistematika mill-għeruq sabiex jiġu evitati abbużi u kuntratti dubjużi.
Il-proċess ta’ reġistrazzjoni tal-artijiet, b’mod partikulari, hu burokratiku żżejjed u ineffiċjenti. L-Aġenzija tar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet għadha ma integratx sistemi diġitali effettivi li jistgħu jħaffu u jissimplifikaw il-proċess. Il-Partit Nazzjonalista jappella għal aktar trasparenza u effiċjenza biex l-artijiet kollha jiġu rreġistrati b’mod aktar spedit, li jikkontribwixxi għal aktar fiduċja fost il-pubbliku.
F’dan il-kuntest, Stanley Zammit tratta wkoll il-problema tal-kundizzjonijiet tal-ħaddiema fil-qasam tal-artijiet. Minkejja it-titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, ħafna minnhom jiffaċċjaw sfidi ta’ kuljum li jagħmlu xogħolhom aktar diffiċli fosthom in-nuqqas ta’ infrastruttura moderna.
Il-Kelliem iddikjara wkoll li t-titjib fil-liġijiet mhux biżżejjed biex jipprevjenu l-korruzzjoni, li ħafna drabi huwa marbut ma’ għajnuna privileġġjata lil ċerti individwi. Kellna diversi eżempji, bħall-bejgħ bil-“karità’” ta’ art fil-Mellieħa. Għaldaqstant, il-Partit jappella għal aktar azzjoni fuq il-kontroll tal-proċess u l-amministrazzjoni effiċjenti tal-art pubblika.
Minbarra l-problemi amministrattivi, il-kelliem semma’ wkoll il-kwistjoni tal-imwejjed u s-siġġijiet, speċjalment f’zoni popolari bħal Tas-Sliema, Wied il-Għajn u Għawdex, fejn l-użu mhux regolamentat tal-art qed jikkontribwixxi għall-problemi ta’ aċċessibiltà u sigurtà. Għalhekk, il-Partit jimmira li jaġixxi biex jintroduċi soluzzjonijiet fit-tul li jgħaqqdu l-interessi pubbliċi mal-bżonnijiet kummerċjali, iżda bil-fokus fuq il-prinċipji ta’ ġustizzja, trasparenza, u infurzar.
Fil-qasam tal-artijiet, Gvern Nazzjonalista jwiegħed kwalita’ ta’ ħajja aħjar għal kulħadd billi l-informazzjoni tkun trasparenti permezz ta’ sistema integrata li jkollha data ġeospazjali u rekords pubbliċi aċċessibbli u li terġa’ tinbena l-fiduċja pubblika permezz ta’ proċessi robusti, fermi, ġusti u trasparenti, sostna Stanley Zammit.
//= $special ?>