Lokali Qorti

Raġel mixli li ttraffika droga fuq id-Dark Web u li biegħ oġġetti u flus foloz jingħata l-pleġġ

Żagħżugħ ta’ 26 sena mill-Fgura ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li ġie mixli ttraffika droga fuq id-Dark Web u li kien qed ibigħ sensiela ta’ oġġetti u flus foloz inkluż tagħmir u apparat tal-Pulizija fuq l-internet. Mill-investigazzjoni rriżulta wkoll li Zammit kien qiegħed jirreklama bejgħ ta’ ewro foloz, bil-pagamenti jsiru permezz tal-cryptocurrency.

Huwa ġie mixli wkoll li qed jinnegozja xiri ta’ sustanzi illegali mic-Ċina fuq id-‘Dark Web’ liema droga allegatament kienet ser tintbagħat biex tinbiegħ f’pajjiżi oħra.

Elton Zammit wieġeb mhux ħati għall-20 akkuża miġjuba kontrih u d-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest bil-prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx iżda talbet lill-Qorti timponi kundizzjonjiet stretti fuqu.

Il-Pulizija bdiet tinvestiga lil Elton Zammit f’Awwissu wara li rċeviet informazzjoni anonima dwar kont fuq il-pjattaforma TikTok u reklamar minnu dwar bejgħ ta’ arloġġi tad-ditta foloz fejn il-ħlasijiet setgħu jsiru biss fi flus kontanti.

L-investigazzjoni żvelat ukoll li Zammit kien qiegħed ukoll jirreklama l-installazzjoni illegali ta’ ‘beacon lights’ u sireni fuq vetturi privati. L-investigazzjonijiet bdew wara li l-Pulizija rċeviet informazzjoni anonima dwar kont tat-TikTok, fejn din il-persuna kienet qiegħda tirreklama l-bejgħ ta’ arloġġi tad-ditta foloz, fejn il-ħlasijiet isiru biss fi flus kontanti, allegatament biex jintużaw għall-ħasil ta’ flus.

Din l-investigazzjoni żvelat ukoll li l-istess persuna kienet qiegħda tirreklama l-installazzjoni illegali ta’ beacon lights u sireni fuq vetturi privati. Għaldaqstant, il-Pulizija wettqet sorveljanza, bis-suspettat jiġi arrestat waqt li kien qiegħed isuq vettura mgħammra bil-beacon lights u sirena attivati, bl-istess vettura ma kinitx reġistrata mal-awtoritajiet u mingħajr liċenzja.

Minn tfittxija li saret fir-residenza tal-persuna, ġew elevati diversi arloġġi, basktijiet u ġojjellerija foloz, flimkien ma’ numru ta’ beacon lights u sireni. Fl-istess residenza nstabu bosta bottijiet tal-pepper-spray, allegatament biex jinbiegħu u flus kontanti.

Ġew elevati wkoll ammont ta’ karti tal-kreditu bojod, sinonimi mal-frodi tal-karti tal-kreditu, billi jkunu kklownjati. Minn aktar investigazzjoni li saru rriżulta li s-suspettat kien qiegħed jirreklama bejgħ ta’ ewros foloz, bil-pagamenti jsiru permezz tal-cryptocurrency.

L-investigazzjonijiet kixfu wkoll allegat negozju fid-‘dark web’ fir-rigward xiri ta’ sustanzi illegali, fosthom droga miċ-Ċina u sussegwentement dawn is-sustanzi allegatament kienu jintbagħtu biex jinbiegħu f’pajjiżi oħra.

Iż-żagħżugħ tressaq quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, li laqgħet it-talba tad-difiża għall-pleġġ bil-kundizzjoni li jiffirma tliet darbiet l-Għassa ta’ Raħal Ġdid, jiddepożita €3,000 u jagħmel tajjeb b’garanzija personali ta’ €5,000.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Clive Abela u l-Avukat Alessia Schembri u Yvette Borg Cardona f’isem l-Avukat Ġenerali, waqt li Zammit qed jiddefenduh l-Avukati Josè Herrera, Alex Scerri Herrera u Matthew Xuereb.