Lokali

Bernard Grech u Manfred Weber jagħtu bidu għall-Assemblea Politika tal-PPE

“Malta hi l-iżgħar stat membru tal-Unjoni Ewropea, iżda il-vuċi tagħna huwa wieħed b’saħħtu, u l-impenn lejn il-prinċipji li jsawru l-PPE jibqgħu sodi. Għal deċenji sħaħ, il-Partit Nazzjonalista baqa’ jżomm ma’ qalbu d-demokrazija, id-drittijiet umani u s-Saltna tad-Dritt – valuri li huma fundamentali għall-identità Ewropea.”

Fil-ftuħ tal-Assemblea Politika tal-Partit Popolari Ewropew, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech wassal messaġġ b’saħħtu favur diskussjoni li teħtieġ tħalli l-frott għall-ġid taċ-ċittadini, u l-pajjiżi kollha Ewropej.

Fid-diskors tal-ftuħ, Bernard Grech tkellem dwar l-isfidi ekonomiċi, klimatiċi, l-immigrazzjoni, u t-trasforma diġitali li d-dinja qed taffaċja.

Bernard Grech sejjaħ għall-integrità quddiem l-aħħar skandlu tal-Gvern Laburista.

U kien hawnhekk fejn insista dwar il-ħtieġa ta’ ħidma waħdiena favur it-tama, id-demokrazija u l-paċi.

Din il-laqgħa qed iġġib flimkien uħud mill-għola esponenti tal-politika Ewropea, fosthom il-President tal-Parlament Ewropew, il-Kummissarju Ewropew għad-Demokrazija, l-eks-Presdent tal-Ukrajna kif ukoll rappreżentanti mill-Marokk u mil-Libanu.

Fid-diskors tiegħu, il-President tal-Partit Popolari Ewropew, Manfred Weber qal li minn din l-Assemblea jeħtieġ li toħroġ diskussjoni li tħalli l-frott.

Manfred Weber spjega x-xogħol li se jkun qed isir matul din l-Assemblea filwaqt li tkellem dwar l-iktar qbil riċenti li sar mill-EPP favur il-pajjiżi Ewropej.

Weber irrefera anke għall-gwerra fl-Ukrajna, bl-Unjoni Ewropea se tibqa’ taħdem favur il-libertà ta’ dan il-poplu.

Manfred Weber irringrazzja lil Malta talli żammet din l-Assemblea filwaqt li faħħar lil Bernard Grech tar-riżultat mill-aqwa li akkwista l-Partit Nazzjonalista fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

Preżenti għal din l-Assemblea kien hemm fost l-oħrajn l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi u l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil, b’Manfred Weber jirringrazzjahom tax-xogħol tagħhom li wettqu kemm f’Malta u anke fl-Unjoni Ewropea.

Wara d-diskorsi tal-ftuħ saru żewġ panel discussions, bl-ewwel waħda jkollha s-sehem fost oħrajn tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, filwaqt li t-tieni diskussjoni rat s-sehem tas-Segretarju Ġenerali tal-PN, Michael Piccinino.

Din l-Assemblea tkompli l-Ġimgħa filgħodu fejn fost oħrajn se jkun hemm messaġġ mill-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola.