L-ajruplani tal-gwerra ta’ Iżrael mill-ġdid wettqu sensiela ta’ attakki fuq il-moħbiet tat-terroristi tal-Ħamas lejn it-Tramuntana ta’ Gaza – u bil-konsegwenza li aktar għexieren ta’ Palestinjani sfaw maqtula jew feruti.
Il-paramediċi f’Gaza, l-istess bħas-sorsi tal-midja lokali, qalu li l-vittmi tar-rejds x’aktarx li qabżu sew is-70 – u li fosthom kien hemm in-nisa u t-tfal. Dan meta wħud mill-missili laqtu djar li servew bħala refuġju għall-familji viċin l-isptar ta’ Kamal Adwan, fil-belt ta’ Beit Lahia. Intant, fl-aħħar sigħat ħarġu l-filmati ta’ diversi katavri fit-toroq li spiċċaw straxxnati mill-bombi u missili tal-Iżraeljani.
Mifhum li nqatlu tal-anqas 20 wara li l-ajruplani tal-Iżraeljani attakkaw dar fil-Belt ta’ Gaza li x’aktarx kienet qed tintuża mill-Ħamas bħala bażi u depot għall-armi. Il-militar Iżraeljan ma kkummentax dwar dan, meta bħalissa qed jintensifika l-offensiva fuq it-terroristi qalb iz-zoni lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Gaza – offensiva li qed iżżomm lill-Ħamas milli jorganizzaw ruħhom mll-ġdid bħala forza.
Intant, l-attakki tal-Iżraeljani fuq Gaza qed ikomplu, bi sptar f’Khan Younis jirċievi l-katavri tal-Palestinjani li kienu nqatlu waqt azzjonijiet militari fl-inħawi kif ukoll fil-belt ta’ Rafah,
Dan meta bnadi sħaħ fit-Tramuntana ta’ Gaza għadhom taħt assedju mill-militar Iżraeljan u bin-Nazzjonijiet Uniti qed twissi li r-residenti fl-inħawi ilhom tal-anqas 40 jum mingħajr għajnuna umanitarja. Fl-istess ħin, it-tobba u l-paramediċi fl-inħawi ta’ Gaza qed isibuha diffiċli ħafna biex jitrattaw lill-midruba; bl-aġenziji ta’ fejda fit-territorju ma jistgħux iwasslu l-proviżjonijiet essenzjali lejn iz-zoni ta’ emerġenza.
//= $special ?>