Lokali

Iktar minn 100 persuna min-Nadur ospitati f’Baveno fl-20 anniversarju ta’ ġemellaġġ bejn iż-żewġ lokalitajiet

Delegazzjoni ta’ aktar minn 100 persuna min-Nadur kienu ospitati mill-Comune ta’ Baveno fil-Provincia ta’ Verbania fl-Italja (Lago Maggiore) sabiex jiġi mfakkar l-20 anniversarju mill-iffirmar tal-ġemellagg bejn l-istess Nadur u Baveno, lura fis-sena 2004.

In-Nadur kien rappreżentat mis-Sindku Edward Said u l-Kunsilliera Lokali, flimkien ma’ residenti ta’ kull età, minn tfal sa anzjani. Matul iż-żjara tagħhom ġie mfakkar dan l-avveniment storiku li seħħ 20 sena ilu meta dakinhar is-Sindku tan-Nadur Chris Said u s-Sindku ta’ Baveno Paolo Marchioni iffirmaw dan il-ġemellaġġ f’isem iż-żewġ lokalitajiet. Matul dawn l-għoxrin sena dan il-ġemellaġġ inżamm ħaj u attiv permezz ta’ diversi inizjattivi li jvarjaw minn skambji edukattivi, kulturali, sportivi u aktar.

Is-Sindku ta’ Baveno Alessandro Monti waqt iċ-ċerimonja li fakkret dan l-avveniment, saħaq li l-ġemellaġġ bejn in-Nadur u Baveno huwa xempju ċar kif għandu jinżamm ġemellaġġ ħaj u wiegħed li l-Kunsill tiegħu ser ikompli jaħdem fis-snin li ġejjin biex iżjed residenti jibbenefikaw minn din l-inizjattiva.

Fl-istess okkażjoni, is-Sindku tan-Nadur Edward Said irringrazzja lil diversi Sindki tan-Nadur u ta’ Baveno li okkupaw il-kariga matul l-aħħar 20 sena li għamlu minn kollox biex dak li beda 20 sena ilu jixxettel, jinżamm ħaj u minnu jgawdu mijiet ta’ residenti miż-żewg lokalitajiet.

F’din l-okkażjoni ġie mħabbar ukoll proġett ta’ xogħol estensiv li ser isir fuq pjazza mill-isbaħ li tiġi fuq Lago Maggiore u liema pjazza ġġib l-isem Arena di Nadur. Dan sar fil-preżenza ta’ numru kbir ta’ residenti Nadurin u Bavenesi.

Matul iż-żjara tagħhom f’ Baveno, il-grupp min-Nadur kellu l-okkażjoni li jżur Milan, Turin, Superga, Locarno, Sonogno, Stresa u l-gżejjer tal-Lago Maggiore. 

Il-Kunsill tan-Nadur għandu tliet ġemellaġġi li t-tlieta li huma qed jinżammu attivi – dawk ma’ Cicciano fil-Provincja ta’ Napli, Baveno fil-Provinċja ta’ Verbania u Zafferana Etnea fil-Provinċja ta’ Catania.