Knisja Lokali

Il-Fondazzjoni Alfred Mizzi tat aktar minn €2 miljun għall-karità

Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Julian Sammut

Il-Fondazzjoni Alfred Mizzi tat aktar minn €2 miljun għal skopijiet ġusti matul l-aħħar erba’ snin, filwaqt li daħlet f’impenji fit-tul ma’ diversi organizzazzjonijiet karitatevoli.

Waqt avveniment biex jitfakkar l-20 anniversarju tal-Fondazzjoni, iċ-Chairman Julian Sammut qal li l-entità, li hija ffinanzjata esklussivament minn Alf. Mizzi and Sons Ltd., irnexxielha żżid il-kontribuzzjonijiet tagħha f’dawn l-aħħar snin wara li għenet għadd ta’ organizzazzjonijiet soċjali, kulturali u ambjentali matul dawn l-aħħar għoxrin sena.

Il-Fondazzjoni hija involuta b’mod estensiv fis-suċċess tas-Soup Kitchens, inkluża Dar Papa Franġisku – inizjattiva konġunta ma’ Caritas Malta u l-Gvern – kif ukoll il-Kċina ta’ Marta, soup kitchen f’Tal-Virtù, li bdiet bħala Solidarity Meals matul il-pandemija tal-COVID bl-appoġġ ta’ għexieren ta’ ħaddiema u voluntiera.

Il-Fondazzjoni hija wkoll sostenitur ewlieni ta’ Foodbank Lifeline, l-akbar u l-aktar foodbank attiv f’Malta, li kiber minn għoti ta’ ftit ikel għal aktar minn 400 hamper fil-ġimgħa, kif ukoll il-provvista ta’ ikel mhux ipproċessat lil diversi foodbanks iżgħar fuq bażi regolari.

Il-Fondazzjoni hija wkoll involuta f’għaqdiet oħra bħalma huma Programm Tbissima, organizzazzjoni mmexxija mill-Eks President Emeritus Marie-Louise Coleiro li tagħti appoġġ lil tfal ġejjin minn familji f’diffikultà; Zibel; u Coast is Clear; li rnexxielhom jiġbru għadd kbir ta’ voluntiera biex inaddfu l-ambjent; kif ukoll il-finanzjament tal-Kamra tat-Tapizzeriji ġdida u moderna, li se tkun parti mill-mużew ġdid fil-Konkatidral ta’ San Ġwann.

Il-Caritas Community Centre, ċentru modern li kien il-ħolma tal-Eks President George Abela li fetaħ fl-2021, huwa l-akbar investiment tal-Fondazzjoni u jgħin madwar 2,000 persuna fis-sena.

Mill-ġdid l-Ikla Annwali tal-Milied fil-Kurja tal-Arċisqof

Flimkien ma’ Caritas, il-Fondazzjoni dalwaqt se torganizza l-Ikla Annwali tal-Milied fil-Kurja tal-Arċisqof, li saret magħrufa bħala ‘L-Ikla tal-Arċisqof’, fejn il-kurituri tal-Kurja jiġu mżejna b’mejda biex 500 mistieden ikunu jistgħu jgawdu menu festiv li jinkludi soppa tal-ħaxix u dundjan mimli.

Julian Sammut qal: “L-isforz fuq l-ikel kien straordinarju. Permezz ta’ foodbanks u soup kitchens, il-Fondazzjoni issa tipprovdi madwar 125,000 ikla fis-sena, jiġifieri aktar minn 350 persuna qed jibbenefikaw kuljum. Naturalment, ma konniex nistgħu niksbu dan mingħajr l-għaqdiet volontarji attivi f’dan is-settur u n-nies straordinarji li jmexxuhom.”