Toni Bezzina, PN
Ix-Shadow Minister għall-Agrikoltura u s-Sajd Toni Bezzina sostna fil-Parlament li tul dawn l-aħħar snin, il-Gvern Laburista skarta diversi proposti tal-Partit Nazzjonalista li setgħu taffew il-pjaga tat-traffiku f’pajjiżna. Agħar min hekk, Gvern Laburista pprova jirredikola dawn il-proposti biex issa qed jipprova jagħmilhom tiegħu u jimplimenthom.
Fosthom hemm inċentiv għal min iċedi l-użu tal-karozza privata tiegħu; li l-ħlas tal-liċenzja tal-karozza jkun pro-rata ta’ kemm tuża u l-implimentazjoni ta’ dedicated lanes fin-network tat-toroq tagħna, sistema ibbażata fuq il-mudell tal-Bus Rapid Transport.
Il-proposta tal-Partit Nazzjonalista ta’ network ta’ dedicated lanes hi mifruxa fuq diversi toroq arterjali u distributorji b’rotta cirkulari li kienet tinkludi sitt linji prinċipali, disa’ hubs, 13-il interchange, 47 stop; sistema li tilħaq 48 lokalità.
Toni Bezzina qal li b’ mod parallel, ikun hemm sistema ta’ feeder lines biex tinħoloq il-konnessjoni neċessarja bejn zoni residenzjali, ċentri ta’ impjiegi, portijiet, l-isptarijiet, l-università, l-MCAST u ċentri importanti oħra.
Din il-proposta ta’ trasport tal-massa tipprovdi alternattiva tanġibbli u affidabbli għall-użu tal-karozza privata li tista’ tiġi introdotta f’fażijiet li tkun tista’ tiġi funzjonabbli fit-totalità tagħha f’perjodu ta’ sentejn.
Il-fatt li l-Gvern fl-aħħar qed jirrikonoxxi diversi proposti tal-Parit Nazzjonalista u jimplimenthom, jista’ jwassal biex f’pajjiżna tonqos il-problema tat-traffiku. Għalhekk, jekk kulħadd jiġbed ħabel wieħed, nistgħu naslu għal soluzzjoni ta’ problema li fniet pajjiż sħiħ, li hu t-traffiku.
//= $special ?>