Lokali

“Il-Kumitat Parlamentari għall-Istandards isib lil Clayton Bartolo u Clint Camilleri ħatja” – PN

Issa anke l-Kumitat Parlamentari sab liż-żewġ Ministri ħatja ta’ frodi b’fondi pubbliċi fuq l-impjieg fantażma tal-mara tal-Ministru Bartolo Adottat ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards Bartolo u Camilleri għandhom jirriżenjaw, u jekk ma jagħmlux dan minn jeddhom, Abela għandu jkeċċihom

Ħatja.

Issa anke l-Kumitat Permanenti għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika sab lill-Ministri Clayton Bartolo u Clint Camilleri ħatja.

Dan hekk kif il-Kumitat Parlamentari llum adotta unanimament ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards li sab li l-mara tal-Ministru Clayton Bartolo tħallset konsulenza ta’ xogħol li ma wettqitx, bil-kompliċità tal-Ministru Clint Camilleri.

Issa li r-rapport kien adottat, u Bartolo u Camilleri nstabu ħatja li kisru l-Kodiċi tal-Etika għall-Ministri u s-Segretarji Parlamentari, il-Prim Ministru Robert Abela ma għandu l-ebda triq oħra ħlief li jkeċċi liż-żewġ Ministri jekk dawn se jibqgħu ma jirriżenjawx minn jeddhom.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar kif il-Prim Ministru u anke l-Ministri nfushom ilu ġimgħat – minn meta nkixef dan l-iskandlu – jaħarbu mir-responsabbiltà billi jgħidu li se jistennew il-konklużjonijiet tal-Kumitat.

Ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika – li issa, bl-adozzjoni tar-rapport, il-Kumitat Parlamentari għall-Istandards għamel tiegħu wkoll il-konklużjonijiet li wasal għalihom – sab li s-sieħba, illum il-mara, tal-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika ntgħażlet bħala konsulenta b’salarju ta’ €70,000 mingħajr ma kienet kwalifikata, u apparti li ma għamlitx dan ix-xogħol tul il-ħatra tagħha, baqgħet tagħmel ix-xogħol li kellha qabel bħala Segretarja Personali tal-Ministru, imma titħallas il-paga ta’ konsulent.

F’dan il-każ, imma, għal xi raġuni mhux magħrufa Robert Abela qed jadotta s-sistema ta’ two weigths and two measures, hekk kif qed jimxi b’mod differenti minn kif mexa fil-każ tal-eks Ministru Justyne Caruana.

Filwaqt li lil Clayton Bartolo u Clint Camilleri ma jridx ineħħihom, lil Justyne Caruana kien keċċieha mill-ewwel malli ġie ppubblikat ir-rapport fil-każ tagħha, saħansitra qabel ma l-Kumitat iltaqa’ biex jiddeċiedi jadottahx jew le.

Minbarra l-kwistjoni tal-frodi minn fondi pubbliċi, f’dan il-każ tal-impjieg fantażma tal-mara tal-Ministru Clayton Bartolo, il-Gvern inqabad ukoll f’xibka ta’ gideb u inkonsistenzi biex jipprova jiddefendi lill-Ministri tiegħu.

F’żewġ okkażjonijiet separati Abela ddikjara li kien hu li keċċa lil Amanda Muscat, il-mara tal-Ministru Bartolo, u giddeb lill-Ministru Clint Camilleri li l-Kap tas-Segretarjat tiegħu ddikjara taħt ġurament li kien hu li tterminalha l-kuntratt għax ix-xogħol tagħha mal-Ministeru kien tlesta.

Il-poplu Malti, li nhar it-Tnejn inġabar fil-Belt Valletta biex jipprotesta bi ħġaru kontra dan l-iskandlu ġdid tal-Gvern Laburista, bir-raġun qed jistaqsi min qed jgħid il-verità u min qed jigdeb.

In-nies għandhom dritt ikunu jafu jekk il-Kap tas-Segretarjat tal-Ministeru għal Għawdex Michael Buhagiar xehedx falz taħt ġurament biex jgħatti lill-Ministru tiegħu, inkella huwiex il-Prim Ministru Abela li qed jigdeb biex jgħatti li dan kollu sar bil-barka tiegħu?

Kien Abela stess li approva l-impjieg fantażma tal-ħabiba, illum il-mara, tal-Ministru Clayton Bartolo bħala konsulenta u l-allowances li ħadet apparti s-salarju enormi. Fl-istess nifs, imma, Abela issa qed jiftaħar li kien hu li keċċieha.