Internazzjonali

Il-Lvant Nofsani: Mandati ta’ arrest għal Netanyahu u Gallant dwar allegati reati tal-gwerra

L-Imħallfin mal-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC) ħarġu l-mandati ta’ arrest għall-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu kif ukoll għall-Eks Ministru tad-Difiża tiegħu Yoav Gallant.

L-akkużi jitrattaw l-allegati reati tal-gwerra li seħħew f’Gaza fl-aħħar sena u ftit, u bl-ICC anki toħroġ mandat għall-arreest tal-Kmandant militari tal-Ħamas, Mohammed Deif, li wkoll hu akkużat bl-istess reati. Dan minkejja li l-militar Iżraeljan, f’Lulju, kien irrapporta dwar il-qtil ta’ Deif waqt attakk mill-qawwiet tal-ajru fuq bażi tal-Ħamas f’Gaza.

Stqarrija mill-Qorti Internazzjonali qalet li grupp ta’ imħallfin u esperti involuti fil-fażi ta’ qabel il-proċess legali, ma aċċettawx il-kuntestazzjonijiet ta’ Iżrael għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti inkwistjoni bbażata f’The Hague, fl-Olanda. Għaldaqstant, il-mandati għall-arrest fil-konfont ta’ Netanyahu u Gallant kienu inevitabbli f’dan ix-xenarju.

L-imħallfin f’The Hague qalu li hemm ‘raġunijiet validi’ biex wieħed jemmen li t-tliet imputati għandhom ‘responsabbiltà kriminali’ relatata mat-twettiq tal-allegati reati tal-gwerra flimkien mar-reati kontra l-umanità waqt il-gwerra bejn Iżrael u l-Ħamas li ilha mis-7 ta’ Ottubru tal-2023.

Madankollu, Iżrael u l-grupp terroristiku Ħamas qed ikomplu jiċħdu għall-allegazzjonijiet.