Lokali

“Il-Persons of Trust għandhom jiġu aboliti, dawn huma nies li ma jażżardawx jgħidu le” – Martin Balzan

“Il-kelma Position of Trust, tifsser li inti qiegħed hemm, mhux għax għandek il-kwalifiki imma għax inti suppost fdat. Imma fdat minn min?”

Kienet din id-dikjarazzjoni u mistoqsija li għamel Martin Balzan il-President tas-CMTU meta kien qed jieħu sehem fil-prgramm NETLIVE, l-Erbgħa filgħaxija, waqt diskussjoni dwar l-impjieg ta’ Amanda Muscat. Fejn għamel referenza għal dak li ntqal fir-rapport tal-Venice Commission.

“Kien sar ir-rapport tal-Venice Commission hawn Malta, fejn staqsew għalfejn f’Ministeru żgħir hemm wisq Persons of Trust. Position of Trust iġifieri l-kwalifika ma japplikawx, inti importanti li tkun leali. Ħafna drabi mhux għax tkun leali imma għax tkun ‘yes man’. Iġifieri jiena għalija dawn il-Position of Trusts naħseb li għandhom jiġu abolit, għax huma suġġett għal abbuż.”

Martin Balzan spjega kif fil-Collective Agreement tat-tobba, hu jagħmel ċert li kull persuna jkollu l-kwalifiki li huma rikonoxxuti mill-Unjoni Ewropea.

“Importanti, fl-opinjoni tiegħi li jkollna kultura fil-pajjiż li tkun ibbażata fuq il-mertu. Bil-mertu jgawdi kulħadd, aħna għalhekk niftaħru li għandna livell għoli fis-settur tas-saħħa, għax kollox hu bbażat fuq il-mertu. Anzi aħna ħafna drabi l-eżamijiet tat-tobba nitolbu biex isiru l-Ingilterra, biex żgur ħadd ma jgħaddi għax fdat. Il-marda hija li dawn il-Position of Trust, apparti xi tnejn jew tlieta li bilfors iridu jkunu preżenti mal-Ministru trid issir bil-meritokrazija.”

Balzan sostna li dawn il-Position of Trusts jimminaw lil dawk li jkunu vera marru l-Università u stinkaw biex jiggradwaw.

“Aħna għandna Segretarji Permanenti li huma mressqa l-Qorti, għax ma għollewx leħinhom għall-abbuż li skont il-liġi ta’ Malta suppost ma pparteċipawx fih. Iġifieri l-liġijiet hemm qegħdin, issa meta ħloqt sistema li biex tilħaq tried tkun fdat mill-Ministru u fdat mill-Gvern u li x’ħin iried ineħik, għalura din il-persuna jew tagħmel li jgħid hu jew l-għada jiġi unemployed.”

Dan hekk kif skont Martin Balzan dan l-iskandlu li nqala f’dawn l-aħħar jiem huwa sintomu ta’ din ‘il-marda’

“Jekk għandu jkollok amministazzjoni tajba, in-nies li qegħdin imlaħqin fiċ-ċivil iridu jkunu persunu li ma jiddejqux jgħidu fejn ma jaqblux. U mhux ikunu f’pożizzjoni fejn jekk ma taqbilx naqtalek rasek. Dan li qed jiġri hija marda fejn il-politiku jimxi fuq lealtà u mhux il-mertu”