Ewropa Internazzjonali

Il-President Metsola tintlaqa’ mill-PM Franċiż Barnier f’Pariġi

Official visit by Roberta METSOLA, EP President, to Paris (France) - Meeting with Michel BARNIER, French Prime Minister

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ġiet milqugħa mill-Prim Ministru Franċiż Michel Barnier f’Pariġi. Waqt żjara uffiċjali fil-kapitali Franċiża, il-President Metsola qalet lill-Prim Ministru Barnier li l-esperjenza u l-viżjoni tiegħu huma essenzjali biex imexxi Franza aktar b’saħħitha f’Ewropa aktar b’saħħitha.

F’ħarsa lura lejn iż-żmien li l-PM Barnier serva bħala Kummissarju Ewropew u negozjatur tal-Brexit, il-President Metsola qalet li tħares ‘il quddiem biex terġa’ taħdem ma’ Barnier, b’impenn iffukat fuq Ewropa aktar kompetittiva u sigura.

Matul iż-żjara tagħha, il-President Metsola għamlet diskors ewlieni waqt is-6 Trilateral Business Forum organizzat mill-MEDEF, il-BDI u l-Confindustria, iffurmat minn aktar minn mitt business leader mill-Italja, il-Ġermanja u Franza.

L-MEP Maltija stqarret li l-Parlament Ewropew ma jibżax mill-bidla.

Waqt id-diskors tagħha, il-President Metsola qalet li l-Ewropa trid taġixxi, mhux b’viżjoni ekonomika biss, iżda b’rieda politika li titgħallem, tadatta u tirriforma. Żiedet tgħid li l-produttività trid tkun il-punt tat-tluq biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-Ewropa.

Il-President tal-Parlament Ewropew qalet li l-industrija Ewropea tista’ tirnexxi biss fl-ambjent it-tajjeb, bil-qafas it-tajjeb. Saħqet li l-Unjoni Ewropea għandha tkun magħrufa għar-regolamentazzjoni effiċjenti tagħha.

Intant f’Pariġi, il-President Metsola ltaqgħet ukoll mal-Ministru Franċiż għall-Affarijiet Barranin ta’ Franza Jean-Noël Barrot, il-President tal-Assemblea Nazzjonali ta’ Franza Yael Braun Pivet u l-President tas-Senat Franċiż, Gérard Larcher.