Lokali Unjoni Ewropea

Illum tiftaħ f’pajjiżna l-Assemblea tal-EPP

Fit-3pm, fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista se jsir il-ftuħ tal-Assemblea Politika tal-Partit Popolari Ewropew (PPE). Assemblea ta’ prestiġju mill-akbar partit politiku fil-Parlament Ewropew li tibqa’ għaddejja sa għada. Il-laqgħa tibqa’ għaddejja sas-7pm u dik tal-Ġimgħa tkun bejn it-8am u nofsinhar.

Għal din l-Assemblea se jattendu s-Segretarji Internazzjonali kollha tal-partiti u rappreżentanti oħra tal-grupp tal-PPE fil-Parlament Ewropew. In-numru ta’ delegati preżenti se jkun ta’ madwar 150, li ħafna minnhom waslu Malta llum.

Qabel il-ftuħ uffiċjali, bejn nofsinhar u s-2pm, se jkun hemm laqgħa tal-Presidenza tal-PPE, li se ssir fil-kamra tal-Oppożizzjoni fil-Parlament u li għaliha l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech se jkun il-mistieden speċjali.

F’din il-laqgħa jkunu preżenti biss madwar 15-il persuna, fosthom il-President tal-Partit Popolari Ewropew Manfred Weber, is-Segretarju Ġenerali Thanasis Bakolas, u l-Viċi Presidenti, li ħafna minnhom huma wkoll Kummissarji. F’din il-laqgħa jkun deċiż x’se jkun diskuss fl-Assemblea li tibda ftit aktar tard.

Fis-2.30pm il-Kap tal-PN Bernard Grech, flimkien mal-President tal-Partit Popolari Ewropew Manfred Weber se jagħtu kumment lill-midja lokali u barranija fid-dħul tad-Dar Ċentrali u jwieġbu wkoll xi mistoqsijiet tal-midja preżenti, u mbagħad il-ġurnalisti jkunu jistgħu jsegwu d-diskussjoni li prinċipalment se tiffoka fuq soluzzjonijiet Ewropej għall-Mediterran, li għaliha kienu mistiedna mexxejja Ewropej u mexxejja oħra wkoll mill-Afrika ta’ Fuq, fosthom dawk tal-Marokk u l-Lebanon.

Fis-sessjoni tal-Ġimgħa se jkun hemm messaġġ, fost oħrajn, mill-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola.

Is-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista Beppe Galea, f’kumment qal li normalment il-Partit Popolari Ewropew jorganizza laqgħat bħal dawn bejn tlieta sa massimu ta’ ħamsa fis-sena u din is-sena l-President tal-PPE Manfred Webber xtaq li l-laqgħa toħroġ minn Brussell u l-għażla waqgħet fuq Malta, anki bħala rikonoxximent għall-fatt li fl-elezzjonijiet ta’ Ġunju li għadda l-PPE, permezz tal-Partit Nazzjonalista, irnexxielu jżid siġġu fil-Parlament Ewropew. Qalilna li ntgħażlet Malta wkoll minħabba r-rispett li l-Partit Nazzjonalista jgawdi mal-Partit Popolari Ewropew.

Fl-aħħar tal-programm tal-Assemblea, il-Ġimgħa waranofsinhar, id-delegati se jittieħdu għal żjara kulturali fil-Palazz tal-Gran Mastru, fil-Belt, qabel jibdew jirritornaw lejn pajjiżhom.

Intant illejla, waqt il-programm NETLIVE se jkun hemm kollegamenti diretti mas-sala tad-Dar Ċentrali fejn tkun għaddejja l-Assemblea.